President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

L-E.T. il-President Spiteri Debono tindirizza ċ-ċerimonja ta’ Ġieħ Għawdex

Inġbarna llum biex nagħtu ġieħ lil ulied Għawdex.

Din iċ-ċerimonja annwali tal-għoti ta’ Ġieħ hija marbuta mad-data tat-28 t’Ottubru 1798, meta l-Franċiżi, li kienu qegħdin jokkupaw il-gżira Għawdxija, ċedew għall-Assedju li għamlulhom l-antenati tagħna, meta taħt it-tmexxija tal-Arċipriet Saverio Cassar, l-Għawdxin qamu kontra l-Franċiżi, għaliex derilhom illi l-Franċiżi kienu qegħdin ikasbru lilhom u lill-artna. 

Għalina, kif jgħidilna l-poeta u patrijott Għawdxi Ġorġ Pisani, fil-poeżija tiegħu, Innu lill-Għawdex, Għawdex hija ‘art sabiħa, art ħanina u art maħbuba’ iżda fuq kollox, il-ġrajja tat-tkeċċija tal-Franċiżi u l-mod kif ġiet pjanata mill-Għawdxin f’dawk iż-żminijiet, turi illi l-antenati tagħna kienu reżiljenti, kurraġġjużi, kapaċi jingħaqdu u kapaċi wkoll immexxu lilhom infushom, kif filfatt għamlu għall-141 jum. 

Meta l-Għawdxin dehrilhom illi għandu jeħilsu mill-madmad Franċiż, huma wrew illi kienu sodi fir-rabta profonda u partikolari li jħossu lejn Għawdex għaliex aħna l-Għawdxin, ċittadini tar-Repubblika ta’ Malta, iżda Għawdex hija l-art li twelidna fiha. 

Din ir-rabta tagħmilna kważi kważi ġens ġo ġens, u immissuha b’idejna f’dan l-avveniment, fejn inħossu l-bżonn illi nirrikonoxxu r-riżultati u l-ħidma ta’ Għawdxin bħalna illi jkunu taw kontribut fi sferi nazzjonali, kultant anke internazzjonali, f’oqsma diversi tal-ħajja, illi bihom jidrilna illi għollew ’il fuq l-isem t’Għawdex tagħna.

Dan nagħmluh ukoll għaliex kull min twieled u trabba fuq din il-gżira t’Għawdex, jaf u konxju illi l-feles baħar li jifridna minn Malta, jagħmilha dejjem aktar diffiċli għalina biex nirnexxu. 

Minn natura iżolata tiegħu, minħabba l-insularita’ doppja[1], Għawdex dejjem kien differenti fil-bżonnijiet tiegħu minn Malta.  Filwaqt li l-gżira Maltija gawdiet minn progress mgħaġġel fl-aħħar sittin sena, kważi fis-setturi kollha, Għawdex jidher li ħa żmienu biex il-progress jassimilah fis-sistema tiegħu. 

Hemm min jgħid illi l-ħajja f’Għawdex hija kajmana, aktar rilassata; Jien ma tantx naqbel ma’ din it-teżi.  Il-fatt illi il-progress li f’ċerta oqsma issarraf f’rigress f’Malta, dam ma laħaq lil Għawdex, kien biex ngħidu hekk ta’ barka, iżda, b’saqajja mal-art ngħid illi huma f’dawn l-aħħar tletin sena illi l-Għawdxin ingħaqdu u lill-Amministrazzjonijiet diversi, bl-għaqdiet Għawdxin, bdew jirsistu illi anke Għawdex jieħu sehmu mill-ġid nazzjonali minħabba n-natura ta’ gżira maqtugħha u kellu, ikun hemm trattament speċjali u viżjoni li tkun partikolari għalih. 

Nista’ ngħid li mindu kellna l-ewwel ministru għal Għawdex, l-Onorevoli Anton Tabone, u wara kellna ministri oħra, kollha kellhom ċertu viżjoni partikolari għal Għawdex u l-bżonnijiet tiegħu, u għamlu ħilithom biex ifehmu dan.

Dan iżda jirrikjedi illi aħna l-Għawdxin inkunu dejjem viġilanti biex il-progress ekonomiku li jasal fi gżiritna ma tkunx ta’ detriment, ta’ ħsara kbira għall-quddiem.  Nirreferi b’mod partikolari għal wirt naturali illi kultant jiġi mwarrab għax nagħmew u ma nqisux illi dan il-wirt naturali huwa sinsla u pedament tal-futur ta’ Għawdex tagħna.

F’dan ir-rigward ninnota b’sodisfazzjon illi is-Sur Pawlu Buttigieg, sindku tal-Qala ser jingħata Ġieħ Għawdex illejla.  L-Għawdxin ħutu se jkunu qegħdin jirrikonoxxu li l-inizjattivi tiegħu favur il-protezzjoni tal-ambjenti naturali tagħna, partikularment il-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien, fil-lokalita’ tiegħu tal-Qala.  Il-ħidma tiegħu għall-protezzjoni tal-preġji naturali ta’ Għawdex, li jsawwru l-identità idillika tal-gżira tat-tlett għoljiet, tkompli timbotta lill-Pawlu biex jsemma’ leħnu u dak li beda jkomplieh ħalli fl-aħħar mill-aħħar ikun ta’ eżempju għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni. 

Pawlu, Ġieħ Għawdex, u anke l-unur għall-Qadi tar-Repubblika s-sena l-oħra, huma biss ringrazzjament għall-kontribut li tajt u għadek tagħti għall-Għawdex u nħeġġek tibqa’ tagħmlu anke fil-ġejjieni.

Illejla qegħdin ukoll nuru l-apprezzament tagħna għall-qasam sportiv u għal dawk li jimmilitaw fih.  L-Otters Aquatic Club huwa storja ta’ suċċess anke minħabba li tul is-snin, dan il-club provda opportunitajiet lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna li jirrapreżentaw lill-pajjiżna fl-ogħla kompetizzjonijiet Ewropej fejn inkisbu unuri sew individwali kif ukoll kollettivi.  Is-sens ta’ komunità u l-valuri li kibru bihom tfal u żgħażagħ li kienu u għadhom jattendu dan il-klabb akwatiku huma evidenti u l-club qiegħed jgħin biex jiġu ffurmati l-irġiel u n-nisa ta’ għada.  

Minn qalbi nerġa nifraħ lil Pawlu Buttigieg u lill-Otters Aquatic Sports Club tal-kontribut siewi li ta lill-gżirietna kif ukoll liċ-Circolo Gozitano tal-organizzazzjoni ta’ din l-attività, bl-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex u Ippjanar. 

toggle icon
President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.