Midja
Nhar is-Sibt 7 u l-Ħadd 8 ta’ Marzu, il-Kastell Verdala se jilbes libsa tradizzjonali marbuta mar-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa, bi programm varjat għall-attività ġdida ‘Kwareżima – Arti, Kult u Tradizzjoni.’
L-attività b’risq il-Malta Community Chest Fund se toffri varjetà għall-familja kollha, mit-tfal sal-adulti, b’avvenimenti li jvarjaw minn esibizzjonijiet, għal mużika u kunċerti minn korijiet, baned u mużiċisti, kif ukoll diskussjonijiet immexxija minn kittieba u esperti tal-Ġimgħa Mqaddsa.
‘Kwareżima – Arti, Kult u Tradizzjoni’ tnediet fil-Kastell Verdala, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ħamis filgħaxija. Matulha, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, fissret li l-iskop ta’ din l-attività hu l-apprezzament tat-tradizzjonijiet Maltin, fl-istess waqt li jinġabru donazzjonijiet b’risq il-ħidma tal-Malta Community Chest Fund.





