Midja
Is-Sibt filgħaxija, fil-Kastell Verdala, ittella’ l-Kuncert Muzikali Redemptio Sanguinis mill-Banda Żejtun Għaqda Santa Katerina Verġni u Martri taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Leslie Debattista u Maestro Omar Coleiro.
Dan il-kunċert, li għalih attendiet l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, ġab fi tmiemha t-tieni ġurnata ta’ attivitajiet relatati ma’ Kwareżima – Arti, Kult u Tradizzjoni.
Din l-attività b’risq il-Malta Community Chest Fund tkompli l-Ħadd, fejn il-pubbliku jista’ jżur il-Kastell Verdala u jattendi għal kunċerti, purċissjonijiet u diskussjonijiet, kif ukoll jara esibizzjonijiet varji li jinkludu artifatti storiċi li wħud minnhom qatt ma ntwerew fil-pubbliku.
L-esebizzjonijiet jinkludu kollezzjonijiet privati ta’ arti, santi, kurċifissi u slaleb kif ukoll statwi, vestwarju u oġġetti oħra relatati mal-Ġimgħa Mqaddsa.





