Midja

It-Tlieta filgħaxija, l-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, indirizzat il-ftuħ tal-Malta Biennale 2026.
Fid-diskors tagħha, il-President ta’ Malta fissret il-Biennale bħala spazju fejn il-ħsieb jiltaqa’ mal-kreattività, il-wirt jiltaqa’ mal-futur, u fejn Malta tiftaħ il-bibien artistiċi tagħha lid-dinja. Irreferiet ukoll għall-arti bħala lingwa universali li tgħaqqad, tistieden għar-riflessjoni u tħeġġeġ l-enerġiji mentali u fiżiċi jfittxu realtà aħjar, u għalhekk għandha rwol importanti fiż-żminijiet ta’ bidla mgħaġġla u sfidi globali attwali.
L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Malta Biennale, li qed issir taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta u tal-UNESCO, tiġbor flimkien xogħol artistiku ta’ iktar minn 130 artist minn madwar 40 pajjiż differenti, bix-xogħol tagħhom mifrux f’27 paviljun fi 11-il sit storiku u mużew madwar Malta u Għawdex.