Midja
Fil-Palazz ta’ Sant’Anton saret it-tnedija tal-katalogu tal-Malta Biennale 2026 permezz ta’ preżentazzjoni tal-pubblikazzjoni lill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta.
Il-President tal-Malta Biennale 2026, Mario Cutajar, spjega li l-legat tal-Malta Biennale 2026 jinsab f’din il-pubblikazzjoni li ġabret flimkien mhux biss l-arti kollha murija fit-tieni edizzjoni tal-Biennale imma wkoll dak kollu li seħħ matul dan il-Biennale.
Il-President ta’ Malta rringrazzjat lil dawk kollha nvoluti sabiex din it-tieni edizzjoni tilħaq livell għoli u parteċipazzjoni iktar wiesa’ sew mill-artisti esebituri, pajjiżi parteċipanti u wkoll il-pubbliku. Iddelinjat li l-arti moderna għandha tkun riflessjoni tal-weġgħat li l-umanità tkun qed tħoss f’dak il-mument, ‘in real time’, fejn in-nies ikunu qed iħarsu lejn soluzzjonijiet innovattivi frott ir-reżiljenza u l-kreattività tal-bniedem, u fuq kollox għarfien ta’ problemi li lkoll kemm aħna għandu jimpurtana minnhom. Il-President awgurat ħidma siewja għall-futur lill-Malta Biennale Foundation li għadha kemm ġiet imnedija.
Il-preżentazzjoni saret ukoll fil-preżenza tad-Direttur Artistiku tal-Biennale, Rosa Martínez u uffiċjali minn Heritage Malta, mill-organizzazzjoni tal-Malta Biennale 2026 u mill-UNESCO, rappreżentata mid-Delegat Permanenti ta’ Malta għall-UNESCO, Monsinjur Joe Vella Gauci.
Il-Malta Biennale 2026 qed isir taħt il-patroċinju tal-UNESCO u tal-President ta’ Malta.



