Midja

It-tmexxija ta’ Heritage Malta għaddiet madwar 150 ktieb ippubblikati minnha lill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta, biex isaħħu l-librerija Anton Buttigieg, li tinsab fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Fil-preżentazzjoni ta’ dawn il-kotba mill-uffiċjali ta’ Heritage Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, tkellmet dwar il-ħsieb tagħha li din il-librerija tkun iktar organizzata u tissaħħaħ billi magħha tiżdied sezzjoni ta’ melitensja.
Il-President innotat li l-pubblikazzjonijiet ta’ Heritage Malta huma intiżi għal udjenzi varji, minn tfal żgħar għal adulti, u jiżdiedu mal-pubblikazzjonijiet ippreżentati lill-President ta’ Malta minn awturi u pubblikaturi waqt żjarat ta’ korteżija.
L-Eċċellenza Tagħha fissret din l-għotja ta’ kotba bħala ideali biex tkompli tissaħħaħ l-esperjenza ta’ dawk li jżuru l-Palazz ta’ Sant’Anton waqt żjarat organizzati minn Kunsilli Lokali, skejjel u għaqdiet.