Midja

Bejn il-lejl li għadda u llejla, il-faċċati tal-Kastell Verdala u l-Palazz ta’ Sant’Anton huma mixgħula b’dawl aħmar bħala rikonoxximent għall-ġest altruwist tal-eluf ta’ donaturi tad-demm, li bid-donazzjoni tad-demm isalvaw il-ħajjiet.
B’dan il-ġest simboliku, l-Uffiċċju tal-President ta’ Malta qed ikompli jżid l-għarfien dwar il-bżonn kontinwu tad-donazzjonijiet tad-demm.
Din is-sena, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qed tiffoka fuq il-messaġġ “Qatra ta’ umanità. Agħti d-demm. Salva l-ħajjiet,” fejn tpoġġi l-umanità fiċ-ċentru ta’ kull donazzjoni tad-demm, u tfakkar kif kull donazzjoni hi ġest ta’ kumpassjoni, solidarjetà u li permezz tagħha nieħdu ħsieb xulxin.