Midja

L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, attendiet għaċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Nazzjonali tal-Eġittu.
Iċ-ċelebrazzjoni, organizzata mill-Ambaxxata tal-Eġittu f’Malta, fakkret ukoll 200 sena ta’ ħidma diplomatika mill-poplu Eġizzjan.
Fid-diskors tagħha, il-President ta’ Malta aċċennat ir-rabtiet bilaterali b’saħħithom u li jmorru lura snin, bejn Malta u l-Eġittu, ibbażati fuq valuri komuni fosthom il-ħidma favur il-paċi, stabbiltà u prosperità.
L-Eċċellenza Tagħha rreferiet ukoll għall-impenn ta’ Malta u l-Eġittu li jkomplu jsaħħu r-rabtiet bejniethom, fl-oqsma tal-enerġija rinnovabbli, il-kummerċ u l-iżvilupp tal-infrastruttura, kif ukoll it-turiżmu bejn iż-żewġ pajjiżi.
Fuq livell internazzjonali, il-President innotat ukoll l-impenn komuni ta’ Malta u l-Eġittu li jużaw id-diplomazija u d-djalogu biex tinkiseb il-paċi u tissaħħaħ il-kooperazzjoni.