Midja
It-Tlieta filgħodu, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, akkumpanjata mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, l-Onor. Byron Camilleri, bdiet bis-sensiela ta’ żjarat fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex b’rabta mal-BOV L-Istrina Piggy Bank Campaign 2026, bl-ewwel żjara tkun fl-Iskola Medja ta’ Bormla fi ħdan il-Kulleġġ Santa Margerita.
Matul iż-żjara f’din l-iskola, il-President kellha l-opportunità titkellem mal-istudenti u twieġeb numru ta’ mistoqsijiet li għamlulha. Hawnhekk, il-President fakkret lill-istudenti li huma parti minn diversi komunitajiet li jgħinuhom jitħejjew biex fil-futur jieħdu posthom bħala ċittadini responsabbli u jagħtu sehemhom għall-ġid ta’ pajjiżna.
Fil-ġimgħat li ġejjin, il-President se tkun qed iżżur 21 skola tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti, bil-għan li tiltaqa’ mal-istudenti u l-edukaturi u twassal il-messaġġ ta’ solidarjetà u ġenerożità ma’ dawk li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli u jirrikorru għall-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund.



