Midja
L-Erbgħa filgħaxija, l-E.T. Myriam Spiteri Debono, ippreżentat il-President’s Award lill-Perit Joanna Spiteri Staines waqt is-sitt edizzjoni tal-Malta Architecture and Spatial Planning Awards, li saret fil-Kastell Verdala għall-kontribut tagħha partikolarment fejn jidħol il-konservazzjoni u r-restawr.
Fid-diskors tagħha, il-President ta’ Malta fissret din is-serata bħala rikonoxximent ta’ periti li, waqt li jesprimu l-kreattività tagħhom, iħarsu u jippromwovu l-konservazzjoni u rijabilitazzjoni ta’ binjiet eżistenti, b’rispett lejn il-wirt arkitettoniku u naturali ta’ pajjiżna.
Il-President aċċennat l-importanza li jkun promoss żvilupp sostenibbli u jitrawwem approċċ ħolistiku u etiku li jagħti kunsiderazzjoni xierqa lil diversi aspetti tal-ħajja tan-nies, fosthom is-saħħa fiżika, mentali u psikoloġika.



