Iktar kmieni llum, fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu, fil-Belt Valletta, ingħatat l-aħħar tislima lil Dr Anthony Spiteri Debono, żewġ il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, li ħalla din id-dinja nhar l-24 ta’ Lulju 2025, fl-eta’ ta’ 78 sena.
L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta, tirringrazzja lill-awtoritajiet ta’ Malta, fosthom l-Arċisqof Charles J. Scicluna li mexxa liċ-ċelebranti waqt iċ-ċerimonja, kif ukoll lill-Prim Ministru Robert Abela, il-membri tal-Kabinett, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, membri parlamentari, awtoritajiet u persuni oħra li urew ir-rispett tagħhom bil-preżenza tagħhom waqt l-aħħar tislima lil Dr Anthony Spiteri Debono.
Il-President tirringrazzja wkoll lil dawk kollha li fl-aħħar jiem esprimew is-sogħba tagħhom għal din it-telfa, u b’mod partikolari tirringrazzja lill-pubbliku li filwaqt li wera s-solidarjetà tiegħu, irrispetta x-xewqa tal-familja għall-privatezza.