Midja

L-E.T. Myriam Spiteri Debono żaret l-istamperija Best Print Ltd. u segwiet l-aħħar fażi tal-proċess tal-istampar ta’ ‘Tisjir mill-Qalb’, li bħal kull sena se jinbiegħ b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Din is-sena, il-ktieb jiffoka fuq l-identità u l-kultura kulinarja ta’ Malta, bħala gżira fil-qalba tal-Mediterran, b’riċetti tradizzjonali Maltin li wħud minnhom ingħataw bixra ġdida. L-ingredjenti użati huma dawk friski skont l-istaġun.

‘Tisjir mill-Qalb’, disponibbli bil-Malti u bl-Ingliż, se jkun qed jinbiegħ fi tmiem din il-ġimgħa, matul il-Fiera tal-Ktieb fl-MFCC, Ta’ Qali u jkun disponibbli wkoll mill-ħwienet tal-kotba ewlenin madwar Malta u Għawdex.