Midja
Il-Ġimgħa filgħaxija, l-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, attendiet kunċert mill-Forzi Armati ta’ Malta li sar fil-Jum Dinji għall-Persuni b’Diżabilità u ċċelebra s-60 anniversarju tad-Dar tal-Providenza.
Matul is-serata, il-Grupp Flimkien Naslu ngħata l-Premju Mons. Mikiel Azzopardi, b’rikonoxximent għall-kontribut volontarju tiegħu fil-qasam tal-persuni b’diżabilità f’Malta u Għawdex.
Fid-diskors tagħha, il-President irrikonoxxiet il-ħidma li ssir f’dan is-settur, u fissret l-anniversarju li qed tikkommemora d-Dar tal-Providenza bħala 60 sena ta’ servizz, imħabba u dedikazzjoni mill-ħaddiema u voluntiera kollha tad-Dar b’risq il-persuni b’diżabilità f’Malta.
Is-serata saret taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta u tal-Isqof Awżiljarju, Monsinjur Joseph Galea Curmi, fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl, fl-Imdina.



