Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

Diskors mill-ET President Myriam Spiteri Debono fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika

Ħamsin sena ilu llum, ir-rappreżentanti tal-poplu fil-maġġoranza assoluta tagħhom, iddeċidew li Malta ssir Repubblika.

Bis-saħħa tas-sovranità li l-Indipendenza tat lil pajjiżna għaxar snin qabel, ir-rappreżentanti tal-poplu ħadu din id-deċiżjoni storika li ssarrfet fi żvilupp kostituzzjonali u demokratiku ta’pajjiżna.

Il-Kap tal-Istat ma baqax aktar barrani, evidenza li pajjiżna kien għadu marbut mal-aħħar ħakkiem li kellu, u fuq kollox dan il Kap tal-Istat kien qiegħed hemm bl-inċidenza tat-twelid. Malta tagħna saret fit-tifsiriet kollha tagħha “Res Publica”, fejn l-għażliet tat-tmexxija minn isfel għal fuq jeżerċitahom il-poplu direttament jew permezz tar-rappreżentanti tiegħu. L-istat ippersonifika ruħu f’iben jew bint il-poplu.

Insellem u nrodd ħajr lill-Presidenti kollha ta’ qabli:

lil Sir Anthony Mamo, li jibqa’ magħruf għad-dinjità li biha libbes il-Presidenza;

lil Anton Buttigieg, li ġab fil-Presidenza is-sensittività poetika u umana li kien mogħni biha;

lil Agatha Barbara, li b’interventi diskreti, tat is-sehem tagħha biex wara l-kriżi li seħħet wara l-elezzjoni ta’ Diċembru 1981, pajjiżna jerġa’ jkollu Parlament sħiħ, bil-preżenza tar-rappreżentanti kollha eletti mill-poplu;

lill-Aġent President Pawlu Xuereb, li dam Aġent President għal ftit aktar minn sentejn, li ma ddejjaqx jindirizza lill-poplu meta deherlu li f’pajjiżna qed iseħħu inċidenti mhux denji tal-poplu tagħna;

lil Ċensu Tabone, li bil-ġentilezza tiegħu rebaħ ukoll lil dawk li fil-bidu tal-Presidenza tiegħu, b’ġest simboliku politiku, iddeċidew li jibbojkottjaw il-Presidenza tiegħu.

Il-ħamsa li semmejt kollha għaddew għal ħajja oħra, iżda t-timbru tagħhom għadu magħna.

Warajhom, pajjiżna kellu sitt presidenti oħra:

Ugo Mifsud Bonnici, li bil-formazzjoni akkademika, kulturali u filosofika tiegħu, eżerċita l-prudenza meħtieġa fis-sitwazzjoni diffiċli li evolviet bejn l-1996 u l-1998, fejn tidħol stabbilità fil-Gvern;

lil Guido De Marco, li ukoll ma għadux magħna, li fih dejjem spikkat b’mod eċċezzjonali il-fierezza li huwa kellu b’Malta, u bil-Maltin;

lil Eddie Fenech Adami, li flimkien ma’ Guido de Marco, kien strumentali biex pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea, għoxrin sena ilu. Jibqa’ mfakkar kif wara l-mixja tiegħu fil-quċċata tal-politika partiġġjana f’pajjiżna, bħala President inqata’ mill-partiġġaniżmu politiku, il-Presidenza tiegħu kienet diskreta mħaddma minn wara l-kwinti, b’distakk mill-kumbatt tal-gara politika; 4

lil Ġorġ Abela, li b’vot unanimu mill-Parlament, nominat mill-partit li fl-interludji politiċi tiegħu mmilita kontrih, li l-maġġoranza tal-poplu ħasset li l-għażla tiegħu kienet evidenza tanġibbli ta’ għaqda. Kien strumentali biex ressaq id-driegħ filantropiku tal-Presidenza, il-Malta Community Chest Fund, aktar qrib il-poplu, billi wessa’ l-attivitajiet ta’ din il-filantropija nazzjonali;

lil Marie Louise Coleiro Preca, magħrufa għal qalb kbira tagħha, li kompliet fuq il-pedamenti li kellha l-Presidenza, u b’moħħha u b’qalbha estendiet l-operat tal-Malta Community Chest Fund, u għadha sal-ġurnata tal-lum preżenti fost il-poplu bl-opri tajba li hi tmexxi bl-inizzjattiva u l-ħila tagħha;

lill-predeċessur tiegħi George Vella, magħruf għall- esperjenza tiegħu fejn tidħol Malta fix-xena internazzjonali, u li tul il-Presidenza tiegħu ma waqafx li jippromwovi l-missjoni ta’ paċi ta’ Malta, l-irwol ta’ Malta fejn tidħol is-sigurtà fil-Mediterran u partikularment il-paċi fil-Lvant Nofsani.

Jien għadni fl-ewwel sena, tal-ħames snin tal-prova tiegħi.

Kif kelli okkażjoni naċċenna drabi oħra, il-ħatra tiegħi bir-regoli ġodda kostituzzjonali li seħħew fl-2020, kienet prova konkreta li l-poplu tagħna kapaċi jkun vuċi waħda, u l-ftehim jasal għalih.

Ftehim, rari jseħħ mil-lum għal għada; ħafna drabi, jieħu ż-żmien u jdum biex jirnexxi. Ukoll biex Malta saret Repubblika ħamsin sena ilu, kien hemm diskussjonijiet u negozjati li ħadu xhur twal. Hekk ukoll ġara fl-1987, meta saru l-emendi għal liġi elettorali biex pajjiżna jkun immexxi minn min ikollu l-maġġoranza tal-voti warajh, liġi li wara reġgħet ġiet irfinuta biex in-numru ta’ siġġijiet ikun jirrappreżenta b’mod aktar ekwu l-voti mitfugħa fl-ewwel għadd.

Għad baqa’ xi jsir, u hemm lok fejn ir-rabta bejn il-voti fl-ewwel għadd u s-siġġijiet fil-Parlament tkun aktar perfezzjonata. Dan ikun jagħmilha aktar possibbli li l-minoranzi jkollhom rappreżentanza Parlamentari. Bis-sistema elettorali preżenti, din hija biss possibilità impossibbli (an impossible possibility) li fir-realtà teżisti biss bejn il-linka tal-vrus.

Ftehim, rari jseħħ mil-lum għal għada; ħafna drabi, jieħu ż-żmien u jdum biex jirnexxi. Ukoll biex Malta saret Repubblika ħamsin sena ilu, kien hemm diskussjonijiet u negozjati li ħadu xhur twal. Hekk ukoll ġara fl-1987, meta saru l-emendi għal liġi elettorali biex pajjiżna jkun immexxi minn min ikollu l-maġġoranza tal-voti warajh, liġi li wara reġgħet ġiet irfinuta biex in-numru ta’ siġġijiet ikun jirrappreżenta b’mod aktar ekwu l-voti mitfugħa fl-ewwel għadd.

Għad baqa’ xi jsir, u hemm lok fejn ir-rabta bejn il-voti fl-ewwel għadd u s-siġġijiet fil-Parlament tkun aktar perfezzjonata. Dan ikun jagħmilha aktar possibbli li l-minoranzi jkollhom rappreżentanza Parlamentari. Bis-sistema elettorali preżenti, din hija biss possibilità impossibbli (an impossible possibility) li fir-realtà teżisti biss bejn il-linka tal-vrus.

Biex wieħed jasal għal ċerta tibdiliet li jridu l-appoġġ meħtieġ, qabel ma jkun hemm ftehim manifestat fil-liġijiet, irid ikun hemm ir-rieda, irid ikun hemm xebh fil-ħsieb, u biex wieħed jersaq lejn il-mejda ta’ diskussjoni ċivili, l-atmosfera trid tkun kordjali.

F’dawn l-aħħar ħamsin sena, eżattament tletin sena ilu, tnedew il-Kunsilli Lokali, intiżi biex iċ-ċittadin ikollu post aktar dirett fit-tmexxija, almenu fil-lokalità fejn jgħix. Nistaqsi iżda, qegħdin naraw illi l-Kunsilli Lokali nipprovdulhom l-għodda u l-finanzi neċessarji sabiex ikollhom rwol aktar effettiv fil-komunità? Mil-laqgħat li jkolli, ukoll minn dak li nsegwi fil-midja, jasal illi ħafna drabi hemm nuqqas ta’ kordinament bejn il-Kunsilli u l-Awtoritajiet Ċentrali. Għandha tkun stabbilita linja ta’ informazzjoni bejn l-Awtoritajiet u l-Kunsilli Lokali; jeħtieġ li l-Kunsilli jinżammu infurmati b’dak li jolqot il-lokalità tagħhom.

Ġew imnedija liġijiet intiżi biex iċ-ċittadin jiżdidulu t-toroq ta’ rikors, fejn iħossu milqut inġustament, u wkoll liġijiet sabiex ikun hemm aktar skrutinju u dixxiplina fit-tmexxija.

L-Att XXI tal-1995, li stabbilixxa l-Uffiċċju tal-Ombudsman, ta rikors liċ-ċittadin sabiex possibbilment jasal għar-rimedju

jekk jidhirlu li jkun milqut ħażin minn azzjonijiet amministrattivi li jsiru mill-Gvern u minn Awtoritajiet oħra.

L-Att XVI tal-1997, li pprovda għal ħatra ta’ Awditur Ġenerali u l-mod kif l-Awditur Ġenerali jirrapporta lill- Parlament, kompla żied l-iskrutinju li jsir fuq l-operat tal-Gvern tal-ġurnata.

L-Att XIII tal-2017, ħaseb għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Istandards bis-setgħa li jinvestiga ksur ta’ dmirijiet statutorji jew etiċi ta’ kategoriji ta’ persuni fil-ħajja pubblika u wkoll, Kumitat Permanenti magħmul minn żewġ membri minn kull naħa tal-Kamra, presedut mill-Ispeaker.

Il-formazzjoni preżenti ta’ dan il-Kumitat għandha element ta’ awtodixxiplina, liema element għandu jkun inkoraġġit.

Wieħed jistaqsi kemm din l-istituzzjoni tal-Kummissarju tal-Istandards, fil-fatt għandha s-snien neċessarji biex tkun għodda effettiva ta’ dixxiplina. Ħafna drabi l-perċezzjoni tal-Kumitat Parlamentari konness ma’ din l-istituzzjoni, hija illi l-Membri tiegħu jimxu fuq linji partiġġjani, fuq l-istruzzjonijiet tal-whips – f’dawn iċ-ċirkostanzi, għalhekk, ikun il-casting vote tal-Ispeaker li jiddetermina l-eżitu.

Iżda dawn l-istanzi jpoġġu taħt il-lenti l-pożizzjoni tal-Ispeaker. Wasal iż-żmien biex neżaminaw il-mod kif il-pożizzjoni tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati tkun aktar b’saħħitha? Ngħid dan li ġej biex ikun hemm lok għar-riflessjoni. Pereżempju, jinħatar b’maġġoranza sempliċi biex tkun evitata li tiġi stallata l-għażla, iżda t-tneħħija tkun deċiżjoni ta’ żewġ terzi tal-Kamra.

Malta qed ikollna inċidenzi ta’ aġir li żgur mhux etiku, drabi oħra mhuwiex onest u mhuwa xejn denju ta’ min il-poplu eleġġih biex jirrappreżentah.

Ir-rispett lejn l-istituzzjonijiet jogħla u jinżel skond l-aġir ta’ min jokkupa l-pożizzjoni. Il-Membri Parlamentari huma responsabbli kollettivament u individwalment għall-istampa li ċ-ċittadini jaraw quddiemhom meta tissemma’ l-kelma Parlament.

Mhux sewwa li kulħadd jintefa’ f’keffa waħda, u min ma jeżerċitax galbu u onestà mhux qiegħed jonqos biss lejn il-poplu, imma qiegħed jonqos wkoll lejn il-membri l-oħra tal-Parlament li huma onesti u integri, u nżid, jonqos ukoll lejh innifsu.

Nibqa’ ngħid illi anqas ma r-rappreżentanti tal-poplu jagħtuh x’jagħmel lill-Kummissarju tal-Istandards, aktar ikun jistħoqqilhom it-titlu ta’ Onorevoli.

Sinċerament jidhirli li wasal iż-żmien li neżaminaw bis-serjetà kif għandna nsaħħu l-istituzzjoni Parlamentari, u magħha wkoll il-liġi elettorali fejn tidħol il-formazzjoni tal-Kamra tar-Rappreżentanti – minn żmien għal żmien tissemma l-mistoqsija jekk wasalx il-waqt illi l-Membri Parlamentari jkunu full time.

Xejn ma jżomm lill-Membri Parlamentari stess, li inizjattiva bħal din ikunu huma li jixprunawha, mhux biss fil-partiti rispettivi iżda wkoll fil-forum Parlamentari stess, b’kumitat ad-hoc bil-poteri biex din il-materja tiġi mistħarrġa u jsiru rakkomandazzjonijiet.

Ser naċċenna biss, mingħajr ma nidħol fil-fond, illi s’issa wkoll qisu għadu ma sarx studju fil-fond u wiesgħa dwar il-finanzjament tal-Partiti Politiċi mill-Istat.

Semmejt dawn iż-żewġ materji bit-tama illi jkunu ta’ għajnuna biex tonqos l-inċidenza ta’ ċertu aġir, li mhux biss iħammar il-wiċċ, iżda fuq kollox huwa aġir perikoluż għaliex iċajpar il-linja ta’ diviżjoni

stretta li għandu jkun hemm bejn is-setgħa tal-flus u s-setgħa tal-poplu fit-tmexxija tal-pajjiż.

Hemm bżonn li nkunu ċari u diretti fil-linji li għad hemm bżonn biex pajjiżna, it-tmexxija tkun verament f’idejn dawk magħżula mill-poplu.

Ejjew noqogħdu attenti illi ma nidħlux f’saqajn xulxin. Dan jgħodd speċjalment għall-ċertu istituzzjonijiet li għandhom dmirijiet u rwoli speċifiċi. Qed nirreferi b’mod partikulari għall-Qrati, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Pulizija. It-tlieta li huma fi rwoli separati tagħhom, fdati bl-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

M’għandu jkun hemm ebda forma ta’ pressjoni minn irkejjen varji fuq dawn it-tliet pilastri tal-ħaqq u tad-dritt.

Kull tip ta’ pressjoni wkoll jekk ġejja minn intenzjonijiet tajba hija perikoluża; anke l-intenzjonijiet tajba jistgħu jitfgħuna f’infern.

Huwa desiderabbli illi r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu minn inkjesti pubbliċi jkunu implimentati. Għandu jingħalaq il-proċess tar-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-inkjesta Sofia. Fuq dawn diġà sar ħafna xogħol taħt l-awspiċi tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Infakkar illi l-inkjesta pubblika Caruana Galizia, tefgħet lenti fuq il-professjoni ġurnalistika. Hemm bżonn li tissokta d-diskussjoni dwar ir-rikonoxximent tal-ġurnaliżmu bħala parti mill-għodda tad-demokrazija. Il-professjoni ġurnalistika tinteressa lill-poplu, imma tinteressa wkoll u primarjament lill-ġurnalisti, partikularment lill-ġurnalisti li huma retti u professjonali f’xogħolhom.

Il-ħidma li għaddejja mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, sabiex dan l-Istitut ikollu status ta’ Union għandu jgħin biex din id-diskussjoni tkompli b’aktar impenn.

F’pajjiżna baqalna fejn intejbu u nsaħħu l-istituzzjonijiet, u nwessgħu aktar it-triq tad-demokrazija biex iċ-ċittadini jħossuhom aktar parteċipi.

Is-soċjetà ċivili, bl-għaqdiet fi ħdanha, bil-kontribut ta’ sigħat twal ta’ ħidma volontarja, għad hemm lok fejn tissaħħaħ u tinfirex. Il-parteċipazzjoni tal-ġenerazzjoni żagħżugħa għandha tkun inkoraġġuta u jingħata piż lill-problemi li ż-żgħażagħ iħossu li qed jaffrontaw.

Wieħed mill-akbar piżijiet li ż-żgħażagħ qed iħossu, jidher li hija s-sitwazzjoni tal-propjetà immobbli meta dawn jiġu biex ikollhom darhom. Din is-sitwazzjoni tiġbor fiha ħafna elementi illi jekk irridu naslu xi mkien, huwa neċessarju li jiġu kkunsidrati f’daqqa.

Il-preservazzjoni tal-binjiet fiċ-ċentri tal-irħula u l-ibliet, il-bini ġdid invadiv fuq l-ambjent, l-infrastruttura meħtieġa, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi, ir-rikonoxximent li l-bniedem għandu jiġi kkunsidrat b’mod sħiħ; dan, u ħafna aktar jistgħu jiġu rfinuti.

U qed ngħid irfinuti, għaliex għandhom ikunu rikonoxxuti l-inċentivi li ngħataw f’dawn l-aħħar snin sabiex nieħdu ħsieb insalvaw il-karattru tal-irħula tagħna u fl-istess waqt nerġgħu nagħtu l-ħajja liċ-ċentri tal-lokalitajiet, u wkoll l-għajnuniet intiżi biex din l-aspirazzjoni ewlenija tal-poplu tagħna li jkun sid tà daru tintlaħaq b’mod aktar wiesgħa.

Ma ninsewx illi ħamsin sena ilu, ħafna mill-familji tal-ħaddiema kienu għadhom jgħixu fi djar mhux tagħhom bil-kera u kien f’dawk iż-żminijiet illi nbdiet il-mixja sabiex il-maġġoranza tal-poplu jilħaq l-aspirazzjoni li jkun sid ta’ daru.

Biss, iż-żminijiet jevolvu, il-kunċetti wkoll jevolvu, u fejn tidħol il-kera, kellu jsir tibdil fil-liġijiet sabiex jkun hemm bilanċ bejn id-dritt fundamentali li titgawda l-propjetà privata, u d-drittijiet li ngħataw lill-inkwilini fiż-żminijiet oħra skont il-bżonnijiet ta’ dawk iż-żminijiet.

F’dan ir-rigward, wieħed irid ukoll isemmi illi ġew imnedija skemi sabiex jittaffa l-impatt negattiv fuq min kien fil-kera u ntlaqat b’mod negattiv b’dawn it-tibdiliet fil-liġi.

U la qed insemmi drittijiet fundamentali, wieħed ma jistax ma jsemmix illi għal dawn l-aħħar disa’ snin konsekuttivi, pajjiżna baqa’ fl-ewwel post fejn jidħol il-Europe Rainbow Map Equality Index. Dan l-għarfien internazzjonali ġie sena wara l-oħra minħabba d-dħul ta’ riformi progressivi fejn jidħlu drittijiet umani, riformi li ssarfu f’soċjetà aktar inklussiva u għenu biex naqas il-preġudizzju.

L-ugwaljanza bejn iċ-ċittadini, partikularment nisa u rġiel, ukoll imxiet ’il quddiem. Miżuri li jżewġu mill-qrib id-dinja tax-xogħol u l-familja ħeġġew aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Dan ta indipendenza finanzjarja lin-nisa li akwistaw aktar għodda biex jirregolaw ħajjithom u jkunu anqas maħkuma minn sitwazzjonijiet ta’ tbatija u abbuż, filwaqt ukoll illi dan kellu l-effett li jżid il-ġid tal-pajjiż.

Pajjiżna huwa mogħni b’poplu bieżel, reżiljenti u li jaf ikun dixxiplinat. Il-mod kif, milqut mill-pandemija, il-poplu wera ruħu dixxiplinat u flimkien mat-tmexxija abbli tal-Awtoritajiet, kien strumentali biex il-pandemija ma kedditx lill-poplu tagħna bl-istess mod li ġara f’pajjiżi oħra.

Insemmi wkoll ħaġa oħra; is-sitwazzjoni fit-turiżmu fi żmien tliet snin wara l-pandemija mhux biss laħqet il-livell ta’ qabel iżda ssuperat in-numru ta’ turisti li kienu ġew fl-2019, għaliex fl-2023 kien hemm żieda ta’ 8.3% fuq in-numri reġistrati fl-2019.

Pajjiż ma jistax jieqaf. L-evoluzzjoni hija kontinwa; wieħed dejjem irid ikun lest li jinbidel u jibdel skond il-bżonn.

Għalhekk, biex is-suċċess ma jissarrafx f’rigress, effetti negattivi li jistgħu jirriżultaw mis-suċċess, ikun meħtieġ li nilqgħu għalihom u jekk ikun hemm bżonn tibdiliet, dawn nagħmluhom.

Għal snin twal, pajjiżna kien mifni minn nuqqas ta’ xogħol. Il-bżulija u r-reżiljenza ta’ amministrazzjonijiet suċċessivi ħolqu niċeċ ġodda ta’ investiment, u f’dawn l-aħħar snin ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna naqset drastikament. Skont data tal-Eurostat ta’ Settembru tas-sena kurrenti, Malta għanda rata ta’ qgħad ta’ 3% biss u tinsab fit-tielet post bit-tielet l-anqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea. Malta ukoll għandha, l-anqas rata tà qgħad fiż-żona ewro u t-tieni lanqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjiżna.

Tul dawn il-ħamsin sena, amministrazzjoni wara l-oħra taw prijorità lis-settur edukattiv. Illum il-viżjoni hija waħda ħolistika, u inklussiva, li tieħu ħsieb illi permezz ta’ gwida vokazzjonali, tinkoraġixxi lill-istudenti sabiex jagħrfu t-talenti li jkollhom, tipprovdi għajnuna lil dawk l-istudenti illi jkollhom bżonn sostenn, u fuq kollox hemm koperazzjoni ma’ setturi fl-ekonomija fejn tidħol esperjenza fid-dinja tax-xogħol.

Dan is-settur ma kienx nieqes minn kontroversji, partikolarment fit-tmeninijiet tas-seklu l-ieħor. Id-dritt tal-għażla tal-ġenituri fejn tidħol l-edukazzjoni tal-ulied huwa aċċettat b’mod wiesgħa, u

l-Gvern tal-ġurnata fl-aħħar Baġit ħaseb biex iżid l-għajnuna lill-ġenituri li jagħżlu li lil uliedhom jibagħtuhom fi skejjel reliġjużi jew privati, u mhux fl-iskejjel tal-Istat. Barra minn dan, il-Gvern ser ikun qiegħed joħroġ ammonti sostanzjali ta’ flus għall-pagi tal-għalliema tal-iskejjel privati u reliġjużi, u dan sabiex il-miżati jinżammu stabbli.

Tajt dawn l-eżempji biex kemm jista’ jkun inżommu perspettiva bilanċjata ta’ kif pajjiżna mar ’il quddiem f’dawn il-ħamsin sena, u ma nsawtux lilna nfusna żżejjed. Għandna nirrikonoxxu l-kwalitajiet tajba li għandna bħala poplu.

Ninnota b’sodisfazzjon, illi Għawdex ser ikun ir-Reġjun tal-Kultura għas-sena 2025, u nawgura lill-Għawdxin illi din l- opportunità jużawha bħala vetrina għal dak li joffri Għawdex u l-Għawdxin.

Il-konnettività bejn Malta u Għawdex tibqa’ punt kruċjali għall-Għawdxin, iżda bla dubju, m’hemmx paragun ma’kif kienet is-sitwazzjoni fis-sebgħinijiet, meta twieldet ir-Repubblika.

L-insularità doppja ta’ Għawdex, lil Għawdxin, kważi għamlithom ġens ġo ġens.

Filwaqt illi l-gżira Maltija gawdiet minn progress mgħaġġel fl-aħħar sittin sena, kważi fis-setturi kollha, Għawdex ħa ż-żmien biex il-progress assimilah fis-sistema tiegħu. F’Malta, l-progress kellu ċerta elementi ta’ rigress, iżda l-fatt li dan il-progress dam ma laħaq lil Għawdex, forsi kienet barka.

Kien f’dawn l-aħħar tletin sena illi l-Għawdxin sabu mod kif il-karattru distintiv tagħhom jissarraf f’bażi ta’ organizzazzjonijet li qegħdin jiżviluppaw viżjoni partikulari għal Għawdex. Nirreferi b’mod dirett għal Gozo Tourism Association u l-Gozo Business Chamber.

Din il-viżjoni partikolari hija ta’ ġid mhux biss għal Għawdex, iżda wkoll għall-gżejjer Maltin, biex pajjiżna jkollu varjetà ta’ niċeċ x’joffri f’diversi oqsma.

Għawdex għandu ethos partikolari ħafna, għax huwa għaġna tal-indipendenza psikoloġikament intrinsika fil karattru tal-Għawdxin, u d-dipendenza ta’ Għawdex fuq Malta bħala l-gżira l-kbira fl-Arċipelagu tagħna. Għalhekk hemm bżonn qawwi li jinżamm il-bilanċ bejn il-karattru Għawdxi u s-sitwazzjoni reali, biex Għawdex jiżviluppa l-potenzjal sħiħ tiegħu.

Fil-fora internazzjonali Malta għandha profil għoli. Dan huwa dovut għal politika konsistenti, fejn Malta ħaddnet attivament politika favur il-paċi, s-sigurtà u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha, kif jgħid l-Artiklu 1 sub-Artiklu 3 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Malta bdiet tipproponi l-progress soċjali fost il-ġnus meta fl-1967, fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Malta nidiet il-kunċett tal-Wirt Komuni tal-Umanità fir-rigward tal-Ibħra. B’dan il-kunċett Malta ssottolinjat profondità ta’ viżjoni, msejsa fuq id-drittijiet tal-popli, fi żminijiet meta kien qed jinħatt il-kolonjaliżmu fil-kontinent Afrikan u l-popli kienu effettivament qed jieħdu d-destin tagħhom, b’rajhom f’idejhom. Dakinhar, din kienet rebħa tal-Istati li kienu għadhom fl-infanzja, u l-iskop kien sabiex il-ġid u r-riżorsi tad-dinja ma jinħakmux mill-pajjiżi potenti.

Dan il-kunċett tal-wirt komuni tal-umanità, imniedi minn Malta fl-1967, tul dawn il-ħamsin sena, qiegħed ikun estiż fejn jidħlu materji u riżorsi oħra, bħall-ispazju, ir-riservi ta’ taħt l-oċeani, il-protezzjoni, u s-sostenibbiltà ta’ riżorsi, għal benefiċċju tal-umanità kollha kemm hi bla distinzjoni.

Fejn jidħol il-ġid tal-umanità, kienet Malta wkoll illi fl-1988, fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, resqet Riżoluzzjoni li tefgħet il-lenti fuq il-problema tat-tibdil fil-klima.

B’riżultat ta’ din ir-Riżoluzzjoni, din il-problema llum qiegħda tittieħed bis-serjetà mill-maġġoranza kważi assoluta tal-Istati tad-dinja, u diġà f’fora internazzjonali hemm il-mixja lejn trattati importanti.

Malta kienet ukoll innovattiva, meta fl-1975, f’Ħelsinki, ġie enfasizzat illi m’hemmx paċi u sigurtà fl-Ewropa mingħajr paċi fil-Mediterran.

U fil-kuntest tal-Mediterran, wieħed jinnota illi s-suġġeriment tal-Prim Ministru illi l-Kummissjoni Ewropea tinkorpora fil-Kummissjoni l-ġdida tagħha, portafoll ta’ Kummissarju għall-Mediterran ġie aċċettat u attwat.

Malta wkoll għandha kredibilità internazzjonali mifruxa fejn tidħol l-irwol tagħha ta’medjatur u moderatur, grazzi għal politika tagħha ta’ non-alinjament u newtralità. F’din l-aħħar sena, dan issarraf f’fiduċja meta Malta ġiet fdata biċ-Chairmanship tal-OSCE; xhieda illi meta jkollna qbil bejnietna, minkejja ċ-ċokon tagħna, kapaċi nattiraw ir-rispett ta’ popli akbar minna.

Irridu nħarsu ’l quddiem kull wieħed u waħda minna, nitfgħu fuq nett il-kwalitajiet it-tajba, il-bżulija, ir-reżiljenza, is-solidarjetà, u fuq kollox il-galbu. Dawn il-kwalitajiet li l-antenati tagħna kienu jippritkaw fil-familja għadhom validi llum, u għandhom jibqgħu validi għal li ġej jekk irridu nkomplu ngħollu isem Malta.

Il-poplu tagħna m’għandu xejn anqas minn popli oħra. Dan urejnieh u qed nuruh.

Nappella biex id-doni li kull wieħed u waħda minna għandna nużawhom sewwa u għas-sewwa. Noqogħdu attenti illi liż-żgħar tagħna ma nikkorrompuhomx bl-eżempju. Bl-eżempju għandna nnisslu fihom sinsla ta’ karattru, li jissarraf f’sens fin ta’ etika, f’sens fin ta’ dak li hu ġust u xieraq.

Hekk jixirqilha Malta, li jkunu, iċ-ċittadini tagħha!

Illum, Malta tirrikonoxxi lil dawk li, bil-kontribut tagħhom, għollew isem pajjiżna.

Fl-istess waqt, insellem ukoll lil dawk il-ħafna anonimi li bil-ħidma fejjieda tagħhom, jikkontribwixxu jum wara jum biex pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem, u biex lill-ġenerazzjonijiet t’għada ngħaddulhom Malta aħjar milli sibniha.

toggle icon
President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.