Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

Diskors mill-President waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Premju Soċjetà Ġusta

Għat-tieni sena konsekuttiva, qiegħdha hawn magħkom għall-għoti tal-Premju Soċjetà Ġusta. 

Nirringrazzja l-ewwelnett lill-Ministeru għall-Inklużjoni u Volontarjat li għal sena oħra reġa’ tella din is-serata importanti li tirrikonoxxi l-ħidma fost il-persuni b’diżabilità.– u dan għaliex għandu jkun l-għan ta’ kulħadd li ninterpretaw id-diżabilità ta’ persuni mill-aspett uman, b’mod dinjituż u fuq kollox inklussiv.   

 Dawn ir-rikonoxximenti jagħtu ġieħ u jesprimu s-sens ta’ apprezzament imma wkoll ta’ responsabbilità tagħna lkoll lis-settur tad-diżabilità f’pajjiżna. 

 L-attività tal-lejla sservi ta’ opportunità biex nirrikonoxxu l-ħidma ta’ bosta individwi, attivisti u entitajiet li jiddedikaw il-maġġorparti tal-ħin tagħhom u ħajjithom għas-settur tad-diżabilità. 

 Barra minn hekk, isservi wkoll biex inkomplu nisħqu fuq l-importanza ta’ ħidma akbar, partikularment fil-qasam tal-inklussività soċjali, li huwa prinċipju fundamentali biex is-soċjetà tkompli tikber u tissaħħaħ. 

 Premju Soċjetà Ġusta għaliex tassew ifakkruna f’għażliet importanti li nagħmlu ta’ kuljum: dawk l-għażliet li bihom nibnu soċjetà li ma tagħlaqx il-bibien tagħha quddiem l-ebda individwu, soċjetà li tħaddan lil kull wieħed u waħda minnha b’rispett u dinjità.   

Inħoss li għandna dmir, kemm bħala poplu u anke bħala l-kolletività soċjali tagħna, li napprezzaw il-ħidma ta’ kull wieħed u waħda  minna li jirsisti biex ebda individwu, Malti jew barrani li jkun fostna, ma jaqa’ lura għaliex ma jlaħħaqx mal-progress soċjo-ekonomiku ta’ pajjiżna.   

 Illejla rajna għoti ta’ rikonoxximenti lill-għaqdiet volontarji filwaqt li ngħataw rikonoxximenti wkoll lil dawk il-persuni li esprimew sforzi eċċezzjonali biex jiksbu indipendenza u dan biex ħajjithom ukoll iħossuhom  membri sħaħ tas-soċjetà tagħna.  

 Dawk l-individwi li, minkejja d-diżabilità, xorta għamlu minn kollox biex jagħtu sehemhom lis-soċjetà mhux jippretendu biss mingħand is-soċjetà u lil dawn jien kull wieħed u waħda minnhom, dawk rikonoxxuti llejla u oħrajn bħalhom li hemm fis-soċjetà tagħna nirringrazzjahom minn qalbi għax huma eżempju  għal oħrajn.  

 Huwa ferm sabiħ li eżempji bħal dawn jirriflettu kif soċjetà tassew ġusta titkejjel mhux biss minn kif nabbraċjaw lil min l-aktar ikun f’saħħtu imma kif ukoll nieħdu l-eżempju ta’ min jasal minkejja dawk l-ostaġġi li forsi n-natura u wkoll is-soċjetà tagħna għandu u jiffaċċja ta’ kuljum.  

L-iżvilupp u l-istat li ninsabu fih illum ma ġiex waħdu.  Sat-tmiem it-Tieni Gwerra dinjija, persuni b’diżabilità f’pajjiżna ma kienux qed jiġu ttrattati bil-mod kif kienu qed jiġu ttrattati llum. Kien hemm l-ewwel nett nuqqas ta’ għarfien li ħafna drabi kien jissarraf f’nuqqas ta’ kompassjoni u empatija u wkoll anke l-pajjiż ma kienx żviluppat b’tali mod li amministrazzjoni wara oħra tipprova illi kull settur li għandna nsostnuh anke mill-istat b’ċertu bżonnijiet.  

Biż-żmien iżda, grazzi għall-attiviżmu ta’ pijunieri fis-settur tad-diżabilità, f’pajjiżna rajna sseħħ bidla u nbeda proċess rigoruż biex persuni b’diżabilità joħorġu fil-beraħ iżda jkunu huma stess illi jagħrfu illi jiskavaw it-toroq biex jaslu bl-għajnuna dejjem ta’ ħaddieħor, ilkoll kemm aħna kif aħna għandna bżonn l-għajnuna ta’ ħaddieħor biex naslu, imma l-isforz fuq quddiem nett  kien minn dawn il-persuni stess.  

 F’Malta trawwam sens ta’ inklużjoni, grazzi għall-kollaborazzjoni attiva, u fuq kollox kollaborazzjoni illi tinkoraġġixxi inklussività bejn il-Gvern, l-għaqdiet mhux governattivi, il-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom.  

 Fuq kollox wieħed għandu jsemmi kif din il-ħidma għandha prinċipju bażilari, “Xejn dwarna, mingħajrna” – Huma dawn il-persuni li għandhom id-dritt jitkellmu l-ewwel u jistaqsu u jagħmlu domandi, għaliex ħaddieħor irid jitgħallem mingħandhom kif l-aħjar jista’ jgħin. 

 Hawnhekk ikolli nirrimarka li aktar minn għaxar snin ilu sa 12 jew 13-il sena ilu l-ammont ta’ nies li kienu jaħdmu, kien hemm ir-regoli tax-xogħol illi għal kull 14-il ħaddiem li jkollok trid iddaħħal persuna b’diżabilità, jew b’abbiltajiet differenti.  

Biss f’dawn l-aħħar 12-il sena n-numru ta’ ħaddiema li għandhom diżabilità trippla u mill-informazzjoni li għandi għad baqa’ azjendi u employers li jippreferu jħallsu l-multa għax ma jkunux konformi mar-regolamenti tax-xogħol, milli li jimpjegaw persuna b’diżabilità. 

 Issa fid-dizzjunarju tiegħi l-akbar għajnuna li int tista’ tagħti huwa li, persuna hi min hi, tiftħilha l-bieb biex tkun kapaċi tieqaf fuq saqajha u tkun indipendenti u x’hemm aktar mix-xogħol biex jagħti din id-dinjità sħiħa u biex il-persuna, hi min hi, tħossha ċittadina sħiħa. Mhux biss li qed tieħu mis-soċjetà imma li qed tagħti lis-soċjetà.  

 U l-aħħar kelma hija dik ejjew fuq dan il-punt nippruvaw nagħmlu sforz ħalli jkollna aktar u aktar bibien miftuħa, fejn ikun hemm bżonn ta’ għajnuniet mod ieħor u għajnuniet speċjali, ma’ dawk li diġà hemm, naraw x’hemm aktar bżonn.   

 Jien persważa illi nsibu l-koperazzjoni ta’ kulħadd, ta’ kull min ikun imexxi bla distinzjoni bħal ma rajna tul dawn l-aħħar għoxrin sena ġo pajjiżna meta min kellu bżonn dan it-tip ta’ għajnuna biex ikun parti sħiħ minnha, sibnihom u bilmod bdejna nibnu u jien f’dan is-settur inħoss dover qawwi li nsemmi l-kontribut li minn żminijiet oħra għamlet il-knisja biex illum fostna wkoll hemm din il-kuxjenza li din hija responsabbiltà fis-soċjetà tagħna li rridu nerfgħu biċċa minnha lkoll kemm aħna.  

 Grazzi tal-kontribut tagħkom u nifraħ lil dawk li b’kuraġġ kbir fetħu t-toroq għalihom infushom u b’eżempju għal oħrajn bħalhom.  

 

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.