Ħuti Maltin u Għawdxin, ħamsin sena ilu, missirijietna welldu r-Repubblika Maltija. Aħna ġens ġwejjed, iżda fl-istess waqt dejjem kellna mnaqqax fina identità dinjituża.
Minn żminijiet bikrin, iktar minn elfejn sena ilu, fi żmien ir-Rumani meta San Pawl ġie fostna, Malta kienet ikkunsidrata bħala muniċipju; federata civitas, stat alleat ugwali. Ma konniex kolonja.
Sa mill-ewwel seklu wara Kristu, Malta kellha s-senat tagħha, l-assemblea tal-poplu, il-munita tagħha, biz-zekka tal-flus tagħha, u saħansitra kien hemm zekka anke f’Għawdex.
Kif għadna kif rajna, għal sekli wara xulxin Malta kienet maħkuma minn diversi potenzi, sakemm qajl qajl bdiet tinbet fost missirijietna l-ħolma, li f’dawk iż-żminijiet kienet għadha daqsxejn ‘l bogħod, il-ħolma ta’ rajna f’idejna.
Wara t-tkeċċija tal-Franċiżi, kienu missirijietna stess, li talbu l-protezzjoni tal-kuruna Brittannika. Spiċċajna taħt l-Ingliżi mhux għax dawn rebħuna, imma għax tlabnihom aħna stess meta fil-15 ta’ Ġunju tal-1802, il-Maltin għamlu dikjarazzjoni ta’ drittijiet, u talbu l-protezzjoni tal-kuruna Brittannika, sakemm il-kuruna Brittannika tonora l-kundizzjonijiet li missirijietna niżżlu f’din id-dikjarazzjoni ta’ drittijiet.
Malta kellha valur kbir, ġeografiku, militari u navali għall-Ingliżi, u spiċċat fortizza ssostni s-setgħa tal-barrani fil-konfront ta’ potenzi oħra. Minn żmien għal żmien, il-ħakkiem Ingliż kien jerħi ftit mill-kontroll, joħroġ ‘l hekk imsejħa letters patent li jien insejħilhom biċċiet ta’ karti kostituzzjonali, u jirtirahom lura meta kien jidhirlu li jkun fl-aħjar interess tiegħu.
Il-ħsieb ta’ Malta ħielsa ta’ Vassalli qabbad ħuġġieġa fost l-intellettwali u l-professjonisti Maltin. Din il-ħuġġieġa waslet għand il-poplu ħaddiem permezz tal-kitbiet ta’ Manwel Dimech, li kien iħeġġeġ lill-poplu Malti biex jissielet għal rajħ f’idejh, għal-libertajiet tal-ħsieb, għal kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol. Lin-nisa Maltin ukoll kien isejħilhom bl-għajta: “Nisa Maltin, Malta tagħkom ukoll.”
Is-self government, bl-assemlea leġiżlattiva tal-1921 ġie mogħti wara l-irvellijiet tas-7 ta’ Ġunju 1919, meta l-poplu ħaddiem, fl-għaks li kien jinsab fih wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, iġġieled u pprotesta biex ikollu l-ħobż. Il-bombi li Malta sofriet fit-Tieni Gwerra Dinjija, mhux biss ġabu ir-rikonoxximent tal-istamina, il-qlubija u s-sens ta’ sagrifiċċju li joffri ġensna bl-għoti tal-george Cross, imma wkoll il-Kostituzzjoni tal-1947 fejn il-vot ingħata lill-adulti kollha, inkluż lin-nisa.
L-Indipendenza tatna s-sovrannità. Kienet ir-Repubblika li fatmet lil Malta mis-simbolu kolonjali ta’ kap ta’ stat barrani, u Malta ġiet ippersonifikata fl-ewwel president minn fost uliedha: Sir Anthony Mamo.
L-Indipendenza u r-Repubblika kienu mumenti storiċi li ddefinixxew lil Malta tal-preżent, bl-identità distinta tagħha, bl-ilsien ewlieni tagħha, u għamluha ugwali ma’ nazzjonijiet oħra minkejja ċ-ċokon tagħha. Il-poplu tagħna għaraf jingħaqad, jadatta ruħu għad-deċiżjonijiet tal-maġġoranzi u llum il-poplu jaċċetta li Malta għandha postha bħala membru tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ħamsin Sena anniversarju jrid jservi biex nagħtu ġieħ lil dawk ta’ qabilna u s-sagrifiċċji li għamlu biex wasalna fejn wasalna llum. Iżda għandu jservi wkoll biex naraw fejn aħna llum u x’lesti li nagħmlu għal dawk li ġejjin warajna.
It-titlu taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ din is-sena, l-Istorja, Aħna jinkludi fih lilna lkoll, u l-istorja li lesti tiktbu għal Malta tal-ġejjieni.
L-isfidi soċjali u dawk internazzjonali ma jonqsux, u sta għalina li naraw kif nilqgħu għalihom b’mod li jixraq.
In-nuqqasijiet materjali, l-esklużjoni soċjali, l-ambjent, l-iżvilupp, it-tniġġis fl-arja, u ż-żieda fil-popolazzjoni huma sfidi relevanti u preżenti u li jinkwetaw lil bosta, speċjalment liż-żagħżagħ tagħna.
Għarafna, b’mod għaqli, ndawwru l-isfidi f’opportunitajiet sabiex nużaw ir-riżorsi tagħna u nħallu l-marka tagħna fuq livell internazzjonali. Bħalma wrejna fil-passat, jekk naħdmu bid-djalogu u favur il-kollettivitá u l-għaqda, naslu biex negħlbu dawn l-ostakli.
Il-potenzjal u l-abbiltà ta’ pajjiżna ġew imfaħħra minn pajjiżi ferm akbar minna minħabba l-inizjattiva li aħna, bħala pajjiż newtrali u sovran, noffru għall-paċi u stabbiltà fir-reġjun tagħna u ‘lil hinn f’fora internazzjonali.
Ejjew flimkien, ilkoll kemm aħna llum, naħilfu li nkomplu bil-mixja ta’ Malta tagħna, għall-ġid ta’ wliedna, u kull wieħed u waħda minna jgħid li se jżomm isem Malta ‘l fuq, fil-preżent u għall-ġejjien.
Viva l-poplu Malti u Għawdxi. Viva Malta tagħna, ir-Repubblika li nħobbu.