Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

Diskors tal-President lill-Korp Konsli Onorarji waqt l-iskambju tal-awguri għas-Sena l-Ġdida

Huwa ta’ pjaċir għalija li nilqagħkom għall-ewwel darba bħala President ta’ Malta, u nirringrazzjakom talli lqajtu l-istedina tiegħi.

Nixtieq nibda billi nawguralkom għal din is-sena li ġejja, sena li għal darb’oħra se tkun mimlija ħidma b’risq Malta.

Hekk kif is-sena li għaddiet kienet l-ewwel sena tal-Presidenza tiegħi, xtaqt nirrifletti ftit fuq dawk il-mumenti importanti kemm għal pajjiżna kif ukoll ‘lil hinn minnu.

Tul l-2024, Malta baqgħet miexja fi triqtha ’l quddiem.

Is-sena l-oħra fakkarna diversi mumenti fl-istorja tagħna li wassluna fejn aħna llum: sittin sena mill-Indipendenza, ħamsin sena mir-Repubblika, il-ħamsa u erbgħin sena minn meta Malta ma baqgħetx bażi militari, u għoxrin sena ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea.

L-ekonomija baqgħet tikber u tistgħana, u huwa mbassar li din is-sena tinżamm rata għolja ta’ tkabbir ta’ 4.3%.

Numru ta’ kumpaniji u negozji Maltin komplew ikabbru l-operat tagħhom u anke jfittxu swieq barra minn xtutna. Ġbidna wkoll lejn xtutna investimenti f’oqsma innovattivi, f’kuntest ekonomiku internazzjonali ta’ kawtela. Dan huwa ċertifikat ta’ saħħa tajjeb għall-kompetittività tagħna bħala destinazzjoni għall-investiment dirett barrani.

Intant, u minkejja d-diversifikazzjoni ekonomika li seħħet matul l-aħħar snin, Malta baqgħet ċentru importanti għall-manifattura avvanzata, fl-oqsma tal-industrija tal-karozzi u tas-semikondutturi, fil-farmaċewtika, u anke fl-enerġija rinovabbli. Dan l-aspett ta’ pajjiżna mhuwiex daqshekk magħruf, u intom bħala konsli onorarji, inħeġġiġkom twasslu din ir-realtà fil-ħidma tagħkom.

Wieħed ma jistax ma jsemmix l-iżvilupp kontinwu fis-settur tat-turiżmu, li jibqa’ jagħti kontribut qawwi lill-ekonomija Maltija. Għal sena oħra, in-numri ta’ turisti li għażlu lil Malta għall-btajjel tagħhom laħqu numri rekord ġodda, u sa Ottubru li għadda kienu ġa nqabżu t-tliet miljun turist.

Dan kollu jixhed li qatt ma ħallejna ċ-ċokon tagħna jimponi fuqna limitazzjonijiet li ma jistgħux jingħelbu. 

Illum, għandna quddiemna sfidi ġodda. Ir-reżiljenza li dejjem urejna se tkun għodda kruċjali biex dawn l-isfidi nindirizzawhom, fosthom is-sostenibbilità u l-protezzjoni tal-ambjent, il-konservazzjoni tal-wirt storiku u kulturali, u l-ippjanar bil-għaqal fejn jidħol l-iżvilupp tal-industrija tal-kostruzzjoni. Fuq kollox, iż-żamma ta’ livell għoli ta’ kwalità ta’ ħajja, b’kundizzjonijiet li jirregolaw id-dinja tax-xogħol, msejsa fuq drittijiet u dmirijiet reċiproċi tas-sid u tal-ħaddiem, mhux biss għaċ-ċittadini Maltin, iżda wkoll għal dawk li ġew fostna jfittxu opportunitajiet ġodda.

L-eskalazzjoni tal-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata minn naħa tar-Russja fuq l-Ukrajna għadha qed tkompli toħloq instabbilità madwar l-Ewropa kollha.

Tirrenja l-biża’ fost eluf ta’ nies innoċenti, bit-tfal inklużi, li huma vittmi ta’ attakki li ma jqisu l-ebda aspett umanitarju.

Dawn is-sofferenzi qiegħdin jiġu esperjenzati wkoll fil-kunflitt bejn il-Hamas u l-Iżrael, fejn diġà nqatlu u ndarbu eluf ta’ persuni innoċenti.

Minkejja dan, il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied fil-Libanu joħloq tama li għad hemm iċ-ċans jintlaħaq ftehim bejn iż-żewġ naħat.

F’dawn is-sitwazzjonijiet, id-diplomazija se tkun l-għodda biex jitrattbu l-irjus u l-qlub iebsa, jitrażżnu l-konflitti, u titnissel l-għaqda.

Proprju matul is-sena li għaddiet, Malta tat sehemha biex turi li kull pajjiż kapaċi jkun effettiv ġewwa fora internazzjonali u multilaterali.

Insellem il-ħidma li saret taħt id-direzzjoni tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, l-Onor. Ian Borg, u li twettqet mid-diplomatiċi tagħna.

Bħala membri eletti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, urejna kif nagħrfu nużaw in-newtralità tagħna biex nirbħu l-fiduċja, u biex naħdmu favur il-paċi u s-sigurtà madwar id-dinja b’mod attiv.

Ħadna bis-serjetà l-fiduċja fdata lilna mill-membri kollha tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa tal-OSCE biex, fil-Presidenza tal-istess Organizzazzjoni, ħdimna favur is-sigurtà fir-reġjun wiesgħa Ewropew u favur l-istabbilità internazzjonali.

Il-ħidma multilaterali titkompla din is-sena, għaliex Malta dalwaqt tieħu f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa. F’dan l-irwol importanti, Malta ser tkompli taħdem favur id-drittijiet umani, id-demokrazija, u s-saltna tad-dritt. F’dan il-kuntest, ser niffukaw fuq erba’ prijoritajiet, li huma:

  • l-involviment sħiħ taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika,
  • il-protezzjoni tat-tfal,
  • il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni, u
  • is-salvagwardjar tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Sinjuri,

Nagħlaq billi nagħmel enfasi mill-ġdid fuq l-importanza tal-irwol tagħkom bħala Konsli Onorarji. Dan l-irwol huwa strumentali għaż-żamma ta’ relazzjonijiet bilaterali b’saħħithom.

Ix-xogħol tagħkom iwassal b’mod dirett għat-tkattir tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn Malta u l-pajjiżi li tirrappreżentaw, għaliex isservu biex kumpaniji Maltin isibu sħab adattati għalihom fi swieq barranin, u viċi versa. Ir-relazzjonijiet u l-kuntatti li kattartu fil-pajjiżi li appuntawkom huma strumentali biex jitħaddnu toroq ġodda ta’ kollaborazzjoni. Nirringrazzjakom tas-sehem importanti li tagħtu f’dan il-qasam, speċjalment fil-kuntest ġeopolitiku tal-lum, fejn il-pajjiżi kollha qed jaħdmu biex iwessgħu ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom.

Nemmen li l-ħidma konsolari tagħkom ser tkun dejjem aktar importanti fiż-żmien li ġej, għaliex l-għajnuna konsulari tipprovdi qafas importanti għal kwalunkwe skambju kummerċjali, kulturali, turistiku, jew politiku, kif ukoll minħabba l-għadd kbir ta’ ħaddiema li jagħżlu li jibnu futur f’pajjiżna.

Inħeġġiġkom biex tibqgħu tgħinu liċ-ċittadini kollha li jiġu għandkom għal din it-tip ta’ għajnuna.

Bħalma dejjem għamiltu, ninsab konvinta li ser tkomplu tistinkaw sabiex ittejbu aktar ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-pajjiżi li fdawlkom il-fiduċja tagħhom.

Inwassal lilkom, u lill-familji tagħkom, l-isbaħ xewqat għas-Sena l-Ġdida.