Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

Diskors waqt it-tnedija ta’ ‘25 for 25 Heirlooms for Posterity’ mill-Friends of the National Archives of Malta

Ippermettuli li nibda s-serata ta’ llejla b’ringrazzjament mill-qalb lill-Ħbieb tal-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta fl-okkażjoni tal-25 anniversarju tagħhom, ħidma ta’ ħamsa u għoxrin sena mindu bdew jippruvaw li jkollna fuq xiex naqgħu għal dak li jkollna bżonn; veru ħidma b’risq il-poplu.

Nifirħilkom għall-ġabra kommemorattiva tal-volum intitolat ‘Heirlooms for Posterity’, b’kontribuzzjonijiet akkademiċi ppublikati fl-okkażjoni ta’ dan l-anniversarju.

Dan il-volum, b’dan it-titlu, jissotolinja r-ruħ ta’ kull wieħed u waħda mill-voluntiera studjużi li ngħaqdu u stabbilixxew il-Friends of the National Archives ħamsa u għoxrin sena ilu.

Kienu xprunati bi ħsieb wieħed li jikkuraw dak li diġà kellna bħala xhieda tanġibbli tal-iżvilupp soċjo-politiku ta’ ġensna, iżda fuq kollox li jinġabar u ma tintilifx evidenza li għadha mhix miġbura.

Mhux biss iżda fil-ħsieb tal-fundaturi li l-evidenza li tinsab f’istituzzjonijiet u għand familji ta’ individwi, li jissenjalaw l-iżvilupp storiku ta’ pajjiżna tkun professjonalment arkivjata.

Kwart ta’ seklu ta’ servizz volontarju, dedikazzjoni soda, u determinazzjoni fil-preservazzjoni tal-wirt dokumentat ta’ Malta.

Matul l-aħħar ħamsa u għoxrin (25) sena, din l-organizzazzjoni kibret f’moviment dinamiku il jaħdem biex jippreserva l-memorja ta’ pajjiżna.

L-għaqda ġiet imwaqqfa propju fis-sena elfejn (2000) fejn, grupp żgħir ta’ individwi offrew li, b’mod volontarju, jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Arkivji Nazzjonali fil-promozzjoni ta’ kuxjenza fost il-pubbliku dwar ix-xogħol li jsir, kif ukoll dwar l-importanza li jiġu preservati oġġetti u rekords ta’ valur storiku.

Grazzi għal ħidma tul l-aħħar ħamsa u għoxrin (25) sena, l-Għaqda rnexxielha takkwista diversi dokumenti, ritratti u materjal stampat. Fuq kollox, għenet biex jiġi akkwistat ukoll materjal awdjo-viżiv, element importanti ħafna, speċjalment għall-ġenerazzjonijiet iżgħar.

L-arkivjar huwa proċess metikoluż u importanti wkoll minħabba li minnu jkun hemm aċċess dirett għad-dokumentazzjoni kollettiva li tolqot lil ġensna b’mod kollettiv. Minnu wkoll joħorġu evidenzi ta’ żviluppi individwali li flimkien ikattru l-karattru tagħna.

Eluf ta’ individwi, inkluż jiena stess, kelli l-opportunita’ li napprezza mill-qrib l-importanza li pajjiżna jkollu arkivji konsiderevoli u aċċessibbli biex minn huwa professjonist, student, jew jinteressah il-miġja tal-ġens Malti, ikun jista’ jagħmel ir-riċerka neċċessarja biex isib l-informazzjoni li jixtieq għal dak li jkun qed jaħdem fuqu.

L-Arkivji jiġbru fihom l-istorja tagħna bħala poplu, u jirrakkontaw it-traġitt tagħna bħala pajjiż minn perjodu għall-ieħor, b’mumenti li tassew immarkaw bidla fl-istorja ta’ pajjiżna.

Rajna kif fis-snin reċenti kien hawn impetu sabiex tiżdied id-diġitalizzazzjoni tad-dokumenti fiżiċi, anke sabiex tiżdied l-aċċessibilita għalihom, filwaqt li jitnaqqas il-bżonn ta’ spazju fiżiku li fih iridu jinżammu.

Ovvjament, dan ma jfissirx li kollox ward u żgħar. L-Arkivji Nazzjonali għamel progress fuq dan ir-rigward, iżda għad baqa’ dokumenti fiżiċi mhux diġitalizzati u saħansitra mhux katalogati.

Dan ixekkel mhux ftit il-proċess ta’ kisba ta’ dokumentazzjoni u arkviji ġodda li huma strumentali biex l-Arkiviji Nazzjonali jibqgħu jiffunzjonaw b’mod effettiv.

Huwa għalhekk importanti li l-Friends of the National Archives of Malta tibqa’ tissaħaħ u tiġbed lejha aktar individwi li huma lesti li jagħtu daqqa t’id u fuq kollox inqajmu kuxjenza fuq il-bżonn li jkollna post alternattiv għal dak li kien maħsub biex ikun il-post fejn jinżammu l-Arkivji Nazzjonali, u dan l-ispazju intuża għal ħaġa oħra. Naħseb li wasal iż-żmien li nagħmlu sforz ieħor.

Kien ta’ sodisfazzjon li nara numru tajjeb ta’ individiwi li resqu ’l quddiem u applikaw għall-kors qasir offrut mill-Għaqda bit-titlu ‘We Archives’, bil-għan li l-membri tal-pubbliku jersqu viċin aktar lejn il-memorja pubblika permezz tal-arkivjazzjoni.

Il-voluntiera huma l-qalba tas-suċċess tal-Friends of the National Archives of Malta. Huma jiddedikaw ħinhom u l-kompetenza tagħhom, ħafna drabi minn wara l-kwinti biex jikkatalogaw, jiddiġitalizzaw, jiġbru fondi, u jippromwovu avvenimenti li jżidu l-għarfien dwar il-bżonn li nibżgħu għal dak li għandna.

Il-ħidma tagħhom, iżda, qed tinħass b’mod sħiħ, u grazzi għalihom, kemm aħna, kif ukoll dawk li għad iridu jiġu, ser ikollhom aċċess ħieles għal aktar materjal fl-Arkivji tagħna.

Dan juri l-impenn ċiviku li jsaħħaħ l-identità nazzjonali tagħna; u jarrikkixxi l-wirt kulturali u kollettiv tagħna bħala nazzjon u jidhirli illi parti minn dan l-impenn għandu jkun ħidma sfiqa biex titkattar il-ħeġġa fost iż-żgħażagħ, u fost l-istudenti, sa mill-eta’ tar-raġuni, biex tikka tikka nġibuhom konxji.

Nitlobkom, intom il-pijunieri tal-Friends of the National Archives biex tgħaddu l-passjoni patrijottika tagħkom, li sawwar lill-Maltin, nippruvaw flimkien ngħadduha liż-żgħar tagħna.

Din hi passjoni li għandha element importanti, li jmur aktar fil-fond minn sempliċi romantiċiżmu tad-daqqa, għax għeruqha fi studju u analiżi b’reqqa akkademika, ta’ dak illi jarrikixxi l-isfond tal-perkors storiku tagħna.

Minn qalbi nawgura mill-ġdid lill-Għaqda f’għeluq il-ħamsa u għoxrin (25) sena mit-twaqqif tagħha u biex tħares ’il quddiem għas-snin li ġejjin biex inkomplu nkattru l-Arkivji li għandna, li huma r-rekord li għaddejna minnu.

Hemm bżonn ukoll li nimpenjaw iktar nies li jagħmluha l-karriera tagħhom, li nżidu l-Arkivji, għaliex l-istorja issa bdiet li qed nagħtu importanza li noħorġu u neżaminaw il-verità tal-fatti. Irridu nkunu aħna li vera mmorru fl-għeruq ta’ dak li jagħmilna li aħna.

Mill-Presidenza hemm apprezzament tax-xogħol li tagħmlu.

Kull riproduzzjoni ta’ dan id-diskors teħtieġ permess minn qabel mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta. Jekk jogħġbok ikkuntattja l-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Pubbliċi fuq [email protected] u [email protected].

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.