Għalaqna wieħed u ħamsin sena minn meta, wara l-Indipendenza, fl-elf disa’ mija u erbgħa u sebgħin, il-Parlament iddikjara l-Malta tagħna Repubblika.
Dħalna fit-tnejn u ħamsin sena; tnejn u ħamsin sena fil-perkors tal-ħajja ta’ nazzjon ma huma xejn.
Malta għadha żagħżugħa.
F’dawn is-snin ta’ rajna f’idejna, Malta qabdet triq abbażi tal-preċetti tal-Kostituzzjoni tagħha.
Fl-isfera internazzjonali, ħadna bis-serjetà l-Artiklu wieħed, sub-artikolu tlieta, li jiddikjara n-newtralità ta’ Malta, iżda ma’ din in-newtralità, rbatna azzjoni attiva biex jintlaħqu “il-paċi, is-sigurtà, u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha”.
Saff fuq saff, bnejna reputazzjoni ta’ konsistenza, trasparenza, u onestà fir-relazzjonijiet tagħna ma’ pajjiżi barranin. Fuq kollox, illum aċċettat, mhux biss li Malta mhi theddida għal ħadd, li Malta mpenjata li tipprovmwovi qbil u progress soċjali internazzjonali, iżda, tajna wkoll prova ta’ dan. Wieħed iżid, illi Malta tgawdi fiduċja sħiħa li tonora ftehim li tidħol għalih.
Huwa għalhekk illi l-istorja tagħna fl-isfera internazzjonali, hija mimlija kisbiet. Insemmi biss uħud minn dawn il-kisbiet—— It-tnedija tal-kunċett tal-ibħra bħala l-Wirt Komuni tal-Umanità, kunċett li sar referenza għalih ukoll fejn jidħol l-ispazju, ir-riżorsi ta’ minerali taħt l-oċeani, u b’mod ġenerali, il-protezzjoni u s-sostenibbiltà ta’ riżorsi oħra li għandhom ikunu ta’ benefiċċju għall-umanità kollha, mingħajr distinzjoni.
Fl-elf disgħa mija u tmienja u tmenin, fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Malta pproponiet riżoluzzjoni, li ġabet fuq quddiem, il-problema tat-tibdil fil-klima.
B’riżultat ta’ din ir-riżoluzzjoni, din il-problema qiegħda tittieħed bis-serjetà, u għaddejjin passi ta’ tfassil ta’ Trattati Internazzjonali f’dan ir-rigward.
Jidher li ż-żmien huwa opportun biex infakkar illi kien bl-insistenza ta’ Malta, illi fl-Att finali ta’ Ħelsinki, il-paċi fil-Mediterran ġiet inkluża bħala pre-kundizzjoni għall-paċi fl-Ewropa. Issa li, fuq suġġeriment tal-Prim Ministru Robert Abela, il-Kummissjoni Ewropea għandha Kummissarju apposta għall-Mediterran, jeħtieġ li nibqgħu nistinkaw bil-għan li l-Aġenda tal-Mediterran tkun parti minn, u tingħata widen, fl-Aġenda Ewropea.
Sta għalina, u Stati oħra b’konfini mal-baħar Mediterranju, li b’azzjoni tagħna, il-Mediterran ma jibqax jitqies sempliċiment bħala periferija ta’ tliet kontinenti, maqtugħ mill-fokus li jixraqlu.
Jeħtieġ li Malta, mhux biss tkompli bl-isforzi tagħha biex il-Mediterran ikun baħar ta’ paċi u sigurtà għall-popli li jgħixu max-xtut tiegħu, iżda hemm bżonn, illi l-isforzi jiġu intensifikati, u tingħata linja soda u qawwija minna stess, sabiex il-paċi u s-sigurtà fil-, u madwar il-Mediterran, ikunu parti mill-aġenda internazzjonali.
Fit-tmienja u għoxrin ta’ Novembru li għadda, kien għeluq it-tletin sena anniversarju tal-Proċess ta’ Barċellona. Jeħtieġ li nisfruttaw f’sens tajjeb, il-fiduċja li Malta tgawdi mal-pajjiż l-oħra ta’ dan ir-reġjun. Dawn il-pajjiżi jinteressahom aktar minn pajjiżi oħra aktar imbiegħda, li fil-Mediterran, u wkoll aktar l-isfel, fil-Kontinent Afrikan, ikun hemm stabbilità.
Il-ġerħa tas-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani jeħtieġ li tkun attakkata minn angoli oħra, u mhux biss b’mod dirett permezz tal-interventi minn ‘key international players’.
Hemm bżonn li neżaminaw il-potenzjal li jista’ jkollhom f’dan ir-rigward organizzazzjonijiet reliġjużi, organizzazzjonijiet taż-żagħżagħ, u organizzazzjonijiet tan-nisa – biex jitnisslu sentimenti paċifiċi, u tibda tixxejjen il-perpetrazzjoni ta’ sentimenti ta’ ritaljazzjoni u tpattija, li rrenjaw sa issa.
Jiġini dan il-ħsieb, għaliex waħda mill-aktar preokkupazzjonijiet u diqa li tnissel is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, huwa t-tħassib akut li t-tbatija u l-ebusija li ġiet ikkawżata b’konsegwenza ta’ dan, ma tantx jawguraw li ż-żewġ popli jgħixu fejn xulxin, ma’ xulxin, paċifikament, jekk xi darba kellhom iseħħu ż-żewġ Stati.
Ma nistax ma nsemmix ix-xogħol li twettaq tul is-sitt xhur minn Mejju sa Novembru, meta Malta, għar-raba’ darba fl-istorja tagħha, mill-Indipendenza ’l hawn, ippresediet il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa.
Din il-Presidenza ħabtet f’perjodu ta’ sfidi internazzjonali inkwetanti; bdiet f’Mejju, meta ma tantx kien hemm ħjiel li l-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna taf tbatti; demokrazija mhedda minħabba diversi sitwazzjonijiet: l-awtoritarjaniżmu qiegħed jerfa’ rasu.
F’ċerta pajjiżi jidher li l-ispazju tas-soċjetà ċivili qiegħed jiċkien, jew addirittura, għandek soċjetà ċivili li qiegħda tersaq lejn il-lemin estrem; attakki li jheddu l-ordni internazzjonali li nkisbet b’tant sforzi u kawtela wara ż-żewġ gwerer; tnawwir ta’ fiduċja bejn in-nazzjonijiet.
F’dan l-isfond, Malta bbażat il-Presidenza tagħha fuq il-prinċipji tal-liġi internazzjonali u l-valuri tal-Kunsill tal-Ewropa. Ġew organizzati tliet konferenzi Ministerjali, u ’l fuq minn ħamsin laqgħa oħra. Dan dejjem bil-għan li jissaħħu l-erba’ oqsma prinċipali magħżula jiġifieri:
- Sostenn għall-Ukrajna, b’enfasi fuq il-ġustizzja u l-kontabiltà, u notevoli l-iffirmar ta’ ftehim bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Ukrajna, biex jiġi stabbilit tribunal speċjali li jittratta l-aggressjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna,
- Il-protezzjoni u l-aħjar interess tat-tfal,
- Id-diskriminazzjoni, l-ugwaljanza u d-dinjità umana, u ma’ dawn,
- Is-sostenn taż-żgħażagħ u s-salvagwardjar tad-demokrazija u s-Saltna tad-Dritt.
B’ġest tanġibbli, Malta wriet is-sapport tagħha, b’kontribuzzjoni volontarja ta’ tmien mitt elf ewro lill-Kunsill tal-Ewropa biex, fost oħrajn, tgħin lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, b’inizjattivi li jikkumbattu l-vjolenza sesswali, cybercrime, abbuż sesswali fuq it-tfal, ugwaljanza u dinjità għall-ġeneri diversi.
B’rabta diretta mat-tema ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ ġie mmodernizzat spazju fil-European Youth Centre li hemm fi Strasburgu li ġie msemmi The Malta Lounge- sinjal ħaj tal-viżjoni li Malta tħaddan, fejn jidħol l-impenn għall-parteċipazzjoni minn issa tal-ġenerazzjonijiet li tilgħin, u ser ikunu l-mexxejja ta’ għada.
L-Uffiċċju tal-President kien impenjat b’żewġ żjarat fi Strasburgu f’dan il-perjodu, fejn, fost attivitajiet oħra, indirizzajt l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, u indirizzajt ukoll, il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Fil-Kastell tal-Verdala ġew organizzati diversi konferenzi.
Is-sħubija ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa, tul dawn is-sittin sena, issarrfet f’benefiċċji għal Malta u ċ-ċittadini tagħha. Riżultanti minn deċiżjonijet ta’ kawżi li ċittadini Maltin għamlu quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, saru riformi f’liġijiet li jolqtu oqsma sensittivi bħall-indipendenza tal-ġudikatura, aċċess għall-ġustizzja, assistenza u rappreżentanza legali.
Ir-riformi li tnehdew mill-każ ta’ Joanne Cassar kontra Malta, issarrfu f’ugwaljanza dejjem aktar soda fis-soċjetà tagħna fejn jidħlu varjazzjonijiet ta’ ġeneru. Dawn ir-riformi poġġew lil Malta fil-quċċata ta’ drittijiet soċjali ta’ persuni LGBTIQ+, pożizzjoni li Malta ilha tgawdi għal dawn l-aħħar għaxar snin.
Hawnhekk nagħmel parentesi żgħira ——— Strettament appell, biex neżaminaw is-sitwazzjoni ta’ tbatija psikoloġika u emozzjonali li jsofru, partikularment żgħażagħ, li jħossuhom priġunieri f’ġildhom stess, u jixtiequ, li jkunu mgħejuna jirrikorru għal interventi ta’ kirurġija ta’ affermazzjoni tal-ġeneru u kura oħra konnessa.
Nappella – ejjew ngħinuhom bħalma tajna għajnuniet oħra f’sitwazzjonijiet oħrajn. Ma nħalluhomx jgħixu ħajjithom b’din il-kundanna. Min għadu jbati minn preġudizzji li jdallmu s-sentimenti ta’ sapport, il-messaġġ tiegħi huwa wieħed —— Dawn uliedna wkoll.
Pajjiżna għaraf ukoll jaċċetta, u mexa, fuq id-deċiżjonijiet tal-Qorti fejn jidħol id-dritt ta’ tgawdija ta’ propjetà privata minn individwi fi kwistjonijiet naxxenti minn liġijiet tal-kera, li kienu saru bi skop soċjali fi żminijiet oħra, partikularment bejn iż-żewġ gwerer.
Kien hemm numru konsiderevoli ta’ ċittadini li appellaw lill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, biex iddefendew u fittxew is-salvagwardjar tad-dritt tagħhom għal propjetà privata.
Mhux biss ingħata l-kumpens lis-sidien, iżda pajjiżna ma waqafx mad-drittijiet fundamentali tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem; Imxejna, lejn dawk id-drittijiet li hemm fil-European Social Charter, (għalkemm dawn għal Malta mhumiex ġustizzjabbli quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem), u ngħataw għajnuniet sabiex dawk, fil-maġġorparti pensjonanti, li ffaċċjaw sitwazzjoni fejn fl-aħħar ta’ ħajjithom kellhom il-biża’ li jispiċċaw bla saqaf, dan l-inkubu li ħassew li ġej fuqhom, ma jgħaddux minnu.
Amministrazzjonijiet differenti ħadu bis-serjetà d-dritt tal-poplu għal housing deċenti. Huwa minnu, u ta’ min japprezza, li l-mexxejja tagħna qed iħossu l-preokkuppazzjonijiet ta’ ċerta setturi tal-poplu, fosthom iż-żgħażagħ u individwi li għaddejjin minn sitwazzjonijiet ta’ tibdil fl-istatus ċivili tagħhom, u qed jiffaċċjaw problemi ta’ akkomodazzjoni.
Irrid insellem ukoll lill-Knisja, li flimkien mall-Istat, b’inizjattiva konġunta, waqqfu l-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, sabiex ikunu indirizzati diffikultajiet konnessi ma’ aċċessibiltà għall-housing diċenti għall-poplu.
Qed isir biżżejjed? Sar ħafna, iżda rridu nkomplu bil-ħidma tagħna f’dan il-qasam, speċjalment biex intaffu l-effetti tas-suq fuq min ma jistax ilaħħaq mas-suq.
Il-European Social Charter, kif ġie rivedut fl-elf disa’ mija u sitta u disgħin, isemmi l-importanza ta’ housing deċenti fil-ħajja tan-nies fi tliet Artikoli, li jittrattaw azzjoni fejn jidħol housing għal kategoriji varji, u etajiet differenti, fi stadji differenti tal-ħajja tal-individwi.
Fir-rigward tad-dritt għal housing diċenti, diġà saru wkoll analiżi biex ikunu stabbiliti r-raġunijiet li jwasslu għal sitwazzjonijiet ta’ nies bla saqaf, iżda jidhirli illi hemm bżonn li nidħlu aktar fil-fond fis-sitwazzjoni u nilqgħu għaliha qabel ma tikber.
F’dan il-kuntest, hemm bżonn li l-analiżi jkunu profondi; il-kawżi huma diversi, ukoll l-etajiet milquta, – milquta wkoll minuri – u din is-sitwazzjoni jinsabu fiha sew Maltin, kif ukoll barranin.
Il-European Social Charter jelenka drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, li għandhom ikunu kkunsidrati, flimkien mad-drittijiet naxxenti mill-Konvenzjoni tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem. Biex bniedem ikollu l-forza li jesiġi drittijiet politiċi, il-bniedem irid ikun qed jgħix b’kundizzjonijiet bażiċi illi jassigurawlu sigurta fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum ——— saħħa fiżika u mentali, xogħol li jipprovdilu għixien diċenti, livell ta’ edukazzjoni għal uliedu.
B’sodisfazzjon ninnota illi f’pajjiżna, hemm sinerġija bejn il-forzi kollha, u wkoll iż-żewġ partiti l-kbar, li flimkien jirrappreżentaw lill-poplu fil-Parlament, fejn jidħlu d-drittijiet li jolqtu mill-qrib il-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Fost dawn insemmi l-miżuri ta’ konverġenza bejn ix-xogħol u l-ħajja familjali.
Miżuri ntiżi biex itaffu effetti psikoloġiċi u emozzjonali ta’ trawmi fejn tidħol il-ġenerazzjoni tal-ulied; sitwazzjonijiet kritiċi ta’ problemi marbuta mat-twelid u t-tqala, u hawn nirreferi speċifikament għall-Miscarriage u l-Bereavement Leave marbuta ma’ dawn is-sitwazzjonijiet.
Dawn huma biss uħud mill-miżuri li jipprovdu appoġġ psikoloġiku u prattiku f’perjodi ta’ niket. Il-Carers Leave u Leave Urġenti għall-Familja f’każ ta’ mard, jirrikonoxxu l-ħtieġa li l-ħaddiem ikun trattat ta’ bniedem sħiħ, bid-dmirijiet soċjali u familjari, li jmorru l’hinn mid-dinja tax-xogħol.
Fit-tnedija ta’ dawn il-miżuri, għandu jiġi nnotat, mhux biss il-koperazzjoni tal-Unions tal-ħaddiema, iżda wkoll fuq kollox, l-empatija murija mis-sidien u mill-employers.
Ippermettuli li nagħmel referenza diretta għall-kelma waħda partikolari fl-Artiklu wieħed sub-Artikolu wieħed tal-Kostituzzjoni tagħna. Dan l-Artikolu jgħid li “Malta hija Repubblika Demokratika bbażata fuq ix-xogħol u fuq ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwu”. Naraha sinifikanti illi l-kelma li għandna fil-Kostituzzjoni mhijiex il-kelma ‘bniedem’, li tista’ wkoll tiftiehem bħala n-nom kollettiv, l-‘umanità’, iżda l-kelma ‘individwu’.
Meta nżommu l-individwu bħala ċ-ċentru tal-aspirazzjonijiet li jispiraw l-azzjonijiet tagħna, inkunu qed noħolqu soċjetà li minnha fiha, tkun ta’ deterrent għall-ħolqien ta’ movimenti soċjo-politiċi estremi fis-soċjetà tagħna.
Għalhekk l-importanza, li nifhmu sew anke s-sitwazzjoni ekonomika ta’ pajjiżna; Kif żviluppaw l-aspirazzjonijiet ta’ xogħol u karrieri tal-Maltin; Il-bżonn ta’ inklużjoni u integrazzjoni fis-soċjetà tagħna ta’ dawk illi qed jagħmlu Malta pajjiżhom, u li maż-żmien, uliedhom ser ikunu Maltin.
Analiżi u azzjoni fir-rigward tat-tibdiliet soċjali li qegħdin il-ħin kollu jseħħu madwarna huma kardinali; l-isfidi huma varji, mhux l-anqas dawk infrastrutturali u ta’ servizzi, nuqqasijiet, li qed jinħassu wkoll minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni. Dawn irridu nfittxu li nkomplu nindirizzawhom.
Meta ċ-ċittadini jkollhom f’ħajjithom sens ta’ sigurtà, tiżdied il-fiduċja fil-proċess politiku u demokratiku, u jitnaqqas il-perikolu li jkollna fostna min jiżra retorika tal-lemin estrem, bħalma qed jiġri f’pajjiżi oħra.
Mill-lat istituzzjonali, qed jitkompla l-proċess ta’ Riformi tal-Qrati li inbeda bl-emendi tal-elfejn u għoxrin dwar il-ħatriet ġudizzjarji. Qed jiġu indirizzati sfidi infrastrutturali fosthom, binja ġdida għall-Qorti Kummerċjali, awla addizzjonali fil-Qrati tal-Familja, awla għall-ġurijiet, konvenju għal Qorti ġdid f’Għawdex, fost miżuri oħra, u b’rabta ma’ dan, tisħiħ fin-numru ta’ ħaddiema li fuqhom isserraħ l-Amministrazzjoni tal-Qrati u l-Ġustizzja.
Naċċenna għall-ħatra ta’ Kummissarju għall-Istandards tal-Ġudikatura, li kull min ikollu tħassib dwar kwalunkwe membru tal-Ġudikatura, jista’ jirrikorri għandu. Dan jinkludi wkoll liċ-ċittadini – Għodda ġdida ta’ sorveljanza, li tkompli ssaħħaħ id-dinjità u l-korrettezza, kwalitajiet inerenti tal-ġudikatura, filwaqt illi tipprovdi wkoll triq ta’ skrutinju u rikors għaċ-ċittadin – tqarreb liċ-ċittadini, li fil-kolletività tagħhom, huma l-Istat, lejn wieħed mit-tliet organi vitali tal-Istat.
Ejjew nagħtu ċans biex dan il-mezz ta’ rikors u skrutinju jaħdem; ejjew ukoll inkunu lesti biex, jekk il-prattika u l-esperjenza juruna li hemm bżonn nirrevedu jew nemendaw, nagħmlu ħilitna biex intejbu.
Ngħid ukoll illi fil-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, għaddej xogħol sabiex din il-Kummissjoni tkun attrezzata aħjar ħalli taqdi il-funzjonijiet tagħha b’mod aktar effettiv u effiċjenti.
Bejn Novembru tal-elfejn u erbgħa u għoxrin u Novembru tal-elfejn u ħamsa u għoxrin, il-Parlament approva erbgħa u erbgħin att – li minnhom sebgħa u tletin għaddew bi qbil u sebgħa oħra għaddew b’votazzjoni – b’division, biex niftehmu. Fl-opinjoni tiegħi, huwa rakkomandabbli, li dak li jolqot il-Kostituzzjoni, ikun maqbul bl-aktar mod wiesa’.
L-ewwel xhur tas-sena d-dieħla ser iġibu magħhom it-tmiem tal-ħatra tal-Prim Imħallef bl-età. Il-ħatra ta’ Prim Imħallef tirrikjedi l-vot ta’ mhux anqas minn żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Għalkemm l-Artikolu sitta u disgħin, Sub-Artikolu tlieta jipprovdi illi f’każ ta’ nuqqas ta’ żewġ terzi tal-voti favur ħatra ġdida ta’ Prim Imħallef, il-persuna li tkun tokkupa, għandha fi kwalunkwe ċirkostanzi tibqa’ fil-kariga, sakemm ir-Riżoluzzjoni jkollha favur tagħha voti ta’ mhux anqas minn żewġ terzi tal-Kamra, huwa desiderabbli li jintlaħaq qbil fuq persuna li tkun tista’ terfa’ u taqdi din il-kariga, u mhux nistrieħu fuq dan il-provediment.
Ma jistax ikun li f’pajjiżna ma għandniex persuni idonji, kapaċi, bil-kwalitajiet meħtieġa, sabiex iservu lill-poplu f’karigi bħal dawn, u li jista’ jkun hemm qbil dwar l-għażla tagħhom.
Nawgura, li jkun hemm diskussjonijiet bil-għaqal, li jwasslu għall-qbil; qbil li jkun sinjal ta’ maturità u għaqda fit-tmexxija ta’ pajjiżna.
Dan jgħodd ukoll għall-Awditur Ġenerali u Deputat Awditur Ġenerali. Iż-żewġ persuni f’dawn il-karigi waslu għat-terminazzjoni tal-mandat tagħhom – u ser jispiċċaw flimkien. Il-ħatra tagħhom flimkien qiegħda toħloq sitwazzjoni anomala, li l-istess kostituzzjoni, fl-Artikolu mija u tmienja, sub-Artikolu disgħa ittra A, tagħmel provedimenti biex ma tiġrix – qed nirreferi għal meta fl-assenza, jew vakanza, ta’ Awditur Ġenerali, jidħol id-Deputat Awditur Ġenerali.
Il-mandati ta’ dawn iż-żewġ uffiċjali m’għandhomx jibqgħu jibdew u jispiċċaw flimkien.
Għawdex jibqa’ wieħed mill-aktar riżorsi importanti tal-arċipelagu tagħna. Aktar mhu qed jgħaddi ż-żmien, aktar qed nifhmu kemm hu kruċjali li nħarsu lil Għawdex mill-isfidi li ġġib magħha l-modernizzazzjoni u l-progress mgħaġġel, sfidi li bil-mod il-mod qed jinħassu fuq il-gżira b’modi diretti u indiretti.
Iċ-ċokon tal-gżira tat-tliet għoljiet jagħmel kull deċiżjoni aktar sensittiva. Irridu nkunu lesti nagħmlu diversi sagrifiċċji għall-ġid ta’ dawk li għad jiġu warajna. Irridu nifhmu li f’Għawdex, l-investiment, il-bini, it-turiżmu, u kwalsijajsi ċaqliq ekonomiku ieħor, l-effetti tagħhom huma aktar akuti. Kull pass ’il quddiem għandu jkun maħsub biex isostni l-identità, il-karattru u l-karatteristiċi uniċi t’Għawdex.
Irid ikollna viżjoni ċara u sostenibbli, li mhux biss igawdi minnha Għawdex, iżda tkun ukoll ta’ benefiċċju għall-gżejjer Maltin, b’mod olistiku.
Dan huwa essenzjali: Li nemmnu f’viżjoni partikulari għal Għawdex, bl-ebda mod m’għandu jkun miftiehem li Għawdex ikun iżolat mill-viżjoni għall-kumplament tal-pajjiż.
Dan jgħodd partikularment fejn jidħol il-valur ta’ Għawdex bħala parti mill-viżjoni tal-industrija turistika tal-Gżejjer Maltin għall-futur.
Illum, madwar 35% tal-ekonomija Għawdxija hija marbuta direttament jew indirettament mat-turiżmu. It-Turiżmu huwa l-aktar mezz b’saħħtu ta’ ġenerazzjoni ta’ dħul għall-familji Għawdxin.
Is-sostenibbiltà tat-turiżmu f’Għawdex tiddependi fuq l-awtentiċità tal-esperjenza offruta. Jekk dan jintilef it-turiżmu jbati – ibati l-Għawdxi, u tbati wkoll l-industrija Maltija tat-turiżmu, li bl-esperjenza awtentika u diversifikata f’Għawdex, tarrikkixxi dak li l-gżejjer Maltin joffru fis-suq turistiku.
Għalhekk jeħtieġ viżjoni wiesgħa u fit-tul: nippromwovu l-enerġija nadifa, inżommu bilanċ bejn l-iżvilupp u n-natura, inħeġġu aktar mobbilità sostenibbli u ngħollu l-livell tal-kwalità, filwaqt li nagħrfu l-importanza kruċjali tal-konnettività għall-ħajja ta’ kuljum tal-Għawdxin u għall-ekonomija tal-gżira Għawdxija.
Għeżież Maltin u Għawdxin,
Imxejna, u mxejna qatigħ. Fl-ewwel Artiklu, il-Kostituzzjoni tagħna, isammar li Malta hija “Repubblika Demokratika bbażata fuq ix-xogħol.” Napprezzaw il-fatt illi f’pajjiżna, m’għadx hawn il-fenomenu ta’ ċittadini jħabbtu l-bieb tal-politiċi biex ikollhom ix-xogħol, jew inkella jeżiljaw ruħhom, għaliex ix-xogħol ma kienux isibuh f’pajjiżna.
Ix-xogħol huwa s-sinsla tad-dinjità tal-bniedem, iżda, u dejjem, jeħtieġ li nkunu viġilanti sabiex inżommu ekwilibriju fis-soċjetà tagħna, ma jinħolqux klassijiet ġodda, fuq kollox qatt ma jkollna soċjetà fejn min ikollu ż-żejjed u min ikun bin-nieqes.
Hekk kif nirriflettu fuq dak li għaddejna minnu u fuq dak li rridu nibnu flimkien, bħala ġens wieħed, magħqud fl-ispirtu ta’ inklużjoni u progress, irridu nħarsu ’l quddiem b’moħħ matur u b’qalb imħeġġa mill-valuri li jagħmlu lil pajjiżna uniku: id-dedikazzjoni, is-solidarjetà, ir-rispett lejn xulxin, ir-reżiljenza u l-għaqal fil-ħsieb u l-azzjoni fil-konfront tal-isfidi. Dawn huma l-pilastri li fuqhom għandna nħaddmu l-viżjoni tagħna għall-ġid tagħna lkoll. Intom, il-poplu, monument ħaj ta’ kif pajjiżna għandu l-kapaċità li jispikka, minkejja ċ-ċokon tiegħu.
Inħeġġeġ biex titkompla l-ħidma li ssaħħaħ l-għaqda ta’ bejnietna. Għaqda li tagħraf li l-ġejjieni huwa dipendenti fuq dak li nagħmlu aħna fil-preżent, fuq kemm aħna kapaċi nrawmu fiż-żgħar tagħna r-rispett, l-etika, is-sens ta’ ġustizzja, u fuq kollox, il-valur tal-onestà f’dak kollu li jagħmlu u li jidħlu biex jagħmlu.
Nixtieq nara Malta li, tkompli b’forza, twassal leħinha fl-ogħla u l-aktar fora mulitlaterali importanti, b’viżjoni ta’ paċi u sigurtà f’kull reġjun tal-globu, u li teżalta l-valuri tal-umanità, u ta’ rispett fost il-komunitajiet internazzjonali.
Fuq kollox, nixtieq nara pajjiż fejn kull Malti, Għawdxi u barrani residenti f’pajjiżna jħoss, li jgawdi ħarsien sħiħ tal-identità, l-kultura u l-aspirazzjonijiet tiegħu. Grazzi tal-kontribut tagħkom, tal-ħidma tagħhom ta’ kuljum, u tal-lealtà li għandkom għall-Malta, “L-Omm li tatna isimha” – ngħożżuha, inħobbuha, u nkunu denji li nissejħu uliedha.
Viva Malta Repubblika!
Kull riproduzzjoni ta’ dan id-diskors teħtieġ permess minn qabel mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta. Jekk jogħġbok ikkuntattja l-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Pubbliċi fuq [email protected] u [email protected].