Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

Diskors tal-President waqt l-għoti tal-Green Flag Award lill-iskejjel

Ninsab magħkom illum, biex għal sena oħra, nirrikonoxxu l-ħidma li saret mill-iskejjel tagħna permezz tal-għoti tal-Premju għall-Edukazzjoni fl-Iżvilupp Sostenibbli.

Apparti mill-premjazzjoni, illum ingħaqadna lkoll flimkien biex nirrikonoxxu x-xogħol li sar tul din l-aħħar sena minn dawk l-istudenti u l-għalliema fl-iskejjel li ħadmu qatigħ sabiex itejjbu l-prattiċi tagħhom, biex jibdew jidħlu f’rutina li jagħmlu affarijiet sabiex meta jkollna din l-azzjoni ta’ ħafna u ħafna flimkien, meta jingħaqdu, dawn jagħmlu effett.

Il-ġest tal-għoti tal-Bandiera l-Ħadra, il-Green Flag juri li l-iskejjel li ngħataw dan l-unur ħadmu biex jilħqu l-miri ta’ EkoSkola; li nippromowvu sostennibilità fejn jidħol l-ambjent.

Jekk immorru ftit lura fiż-żmien, propju fl-2002, Nature Trust flimkien mal-Fondazzjoni għall-Edukazzjoni Ambjentali, l-FEE, introduċiet għall-ewwel darba dan il-programm fl-iskejjel tagħna.

L-għan aħħari tal-programm kien li aktar tfal jibdew isiru aktar konxji mill-importanza li jinvolvu rwieħhom b’mod attiv billi jsemmgħu leħinhom, juru interess fuq temi varji u jiddibattu ħalli mid-dibattitu ta’ bejnietkom jibdew joħorġu soluzzjonijiet li jtejbu l-ambjenti tal-komunitajiet u tas-soċjeta’ tagħna. 

Il-programm EkoSkola jagħti vuċi lit-tfal u s-sehem tal-istudenti fl-EkoSkola jgħin biex jitgħallmu jieħdu deċiżjonijiet sostenibbli, u dan allura, jimxi pass pass mal-għanijiet tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli,  li rridu nilħqu sal-2030.

Il-kontribut tal-istudenti permezz tal-EkoSkola mhux biss qed jgħin lis-soċjetà tagħna, iżda wkoll qed jagħmel lil Malta parti minn moviment globali favur ġustizzja ambjentali u sostenibbiltà.

Hu pjaċir li aktar minn 85 fil-mija tal-iskejjel madwar Malta u Għawdex ħadu sehem fil-proġett EkoSkola sa mit-twaqqif tiegħu. 

Il-ħidma matul is-sena skolastika mill-Eko Kumitati, li ġieli anke testendi għas-Sajf, hija importanti ħafna biex l-istudenti tagna jirriflettu u jużaw il-ħsieb kritiku biex jaslu għal soluzzjonijiet li jistgħu jintrefgħu billi, biċċa biċċa, ikun hemm għaqda u skop wieħed u kulħadd ikun qed jaħdem għal dak l-iskop.

Permezz tal-programmi mħejjija minn EkoSkola, l-istudenti qed ikollhom ukoll opportunita’ jitkellmu ma’ min jieħu d-deċiżjonijiet, u nemmen bis-sħiħ li, dan jagħti valur miżjud għad-diskussjoni u wkoll ikollkom sehem kif jiġu implimentati u mħabbra ċertu policies.

Sirna ferm aktar konxji dwar l-importanza li nipproteġu dak li għandna.  L-isfidi globali li jpoġġu sfida għall-ġenerazzjonijiet futuri irridu nibdew nitrattawhom minn issa, u rridu nibdew nittrattaw minn issa b’mod deċiżiv. Irid ikollna ħsieb sod ħafna li lil dawk li ġejjin warajna se ngħinuhom f’dinja aħjar.

Il-ħidma tagħna bħala pajjiż, iżda, ma tiqafx biss ma’ dawn il-miri.  It-tema ta’ żvilupp sostenibbli hi materja li tgħaqqad il-ħsibijiet tal-partijiet li jerfgħu biċċa mit-tmexxija tan-nazzjon fejn tidħol din ir-rokna li nieħdu ħsieb l-ambjenti tagħna.

Tajjeb niftakru li għandek ħafna ambjenti differenti. Għandek mhux biss l-ambjenti naturali, imma wkoll l-ibħra, is-sema’, il-blat u l-ħamrija, l-ispazji miftuħa, fejn int ikollok ukoll ambjent li f’kull lokal hu partikolari għalih.

Anke l-ambjent naturali ivarja bejn lokalità u oħra, u jirrikjedi impenn differenti. Hu sta għall-għalliema, l-iskejjel u l-familji fid-djar, kif ukoll il-Kunsilli Lokali li jibni għarfien ta’ karatteristiċi ambjentali ta’ kull lokal. Għalhekk li din il-kollaborazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali u Nature Trust hi sabiħa.

Irridu nibdew billi nieqfu u nħarsu madwarna għax kull lokal għandu l-ambjenti tiegħu, li mhux ambjenti naturali biss, imma wkoll ambjenti soċjali. Dawk huma l-kwalitajiet li flimkien jagħġnu lill-ġens Malti u jagħmluna dak li aħna.

Reċentament, il-Gvern ta’ Malta ħabbar il-Viżjoni 2050, viżjoni li torbot mill-qrib mal-għanijiet tan-Nazzjonijiet Uniti u li tagħti direzzjoni biex pajjiżna juża r-riżorsi tiegħu b’mod innovattiv u sostenibbli.

Barra minn dan, l-impenn konġunt bejn il-Ministeri kkonċernati, partiklarment tal-Edukazzjoni u l-Ambjent, bl-involviment ta’ entitajiet governattivi oħra, qiegħed jiżgura li t-tfal tagħna qed jiġu esposti għal ħafna ideat li għandhom l-iskop li jrendu benefiċċji soċjali b’mod ħolistiku fis-soċjetajiet tagħna.

Il-Kunsilli Lokali wkoll għandhom rwol kruċjali bħala l-ewwel sors ta’ appoġġ ċiviku għaċ-ċittadini tagħna. Għandhom l-irwol li jipproponu u jimplimentaw policies partikolari għall-lokal fejn joperaw, għaliex importanti wkoll li l-ambjent kollu ta pajjiżna għandu fih dawk l-irqajja li huma speċjali għal kull villaġġ u lokal li għandna. 

Min-naħa l-oħra, l-attiviżmu u r-rakkomandazzjonijiet ta’ NGOs huma kruċjali biex is-sistema demokratika tagħna tiffunzjona b’mod attiv, ikun hemm il-parteċipazzjoni li mingħajrha u mingħajr spazju biex il-vuċijiet ta’ kulħadd, minn xjuħ bħali sal-iżgħar li qed jipparteċipaw f’din l-attività, m’għandekx vera demokrazija.

Intom it-tfal bżonnjużi ħafna, biex minn ċkunitkom tibdew tiskavaw it-triq biex tkunu ċ-ċittadini ta’ għada.

Programmi bħal EkoSkola huma kruċjali biex it-tfal jifhmu li l-ambjenti ta’ madwarhom huma tagħhom, u huma jridu jiġu fuq quddiem biex jieħdu ħsiebhom l-ewwel. Għaliex aħna l-kbar nistgħu biss inwittu t-toroq biex intom tiġu u tipparteċipaw u tibdew minn issa terfgħu parti mir-responsabbiltajiet li għad ikollkom. Għalhekk li jekk temmnu fikom infuskom u f’pajjiżna, tridu minn issa taraw li kull wieħed u waħda minnkom tikkontribwixxu għall-ġid tal-ħafna, għall-ġid tal-pajjiż kollu kemm hu.

Flimkien, permezz ta l-impenn u tal-kooperazzjoni, nibnu futur sostenibbli u fuq kollox ġust li jixraq lil dawk li għad jirtu d-dinja mingħandna. Għax mhux pajjiżna biss. Meta għandek il-problema tal-bidla fil-klima, li mhux il-pajjiżi kollha, lanqas ċertu pajjiżi kbar, ma daħlu biex jerfgħu parti mill-piż li l-umanità qed tiffaċċja.

Malta, ħafna drabi f’organizzazzjonijiet internazzjonali, kienet vuċi biex issalvagwardjat l-umanità u kienet fuq quddiem, anke intom iż-żgħar tibqgħu tikbru b’din il-kuxjenza li f’kull pass li tagħmlu tridu taraw mhux biss l-impatt fuqkom biss, imma wkoll l-impatt fuq ta’ warajkom u l-impatt ikbar ‘il barra minn xtutna.

Jien għandi fiduċja kbira fikom, u fiduċja wkoll fl-għalliema tagħkom u fidi qawwija li n-Nature Trust, bil-programmi tagħha, qegħda tilħaq lilkom ilkoll.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.