Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President tindirizza lill-impjegati tal-Awtorità tal-Artijiet

Iż-żjara tal-lum hija okkażjoni biex il-Presidenza tiltaqa’ mal-uffiċċjali u impjegati tal-Awtorità tal-Artijiet.

L-Awtorità tal-Artijiet għandha rwol ta’ gwardjan u kuratur tal-patrimonju nazzjonali tal-immobbli bini u artijiet u l-proprjetajiet immobbli tal-Gvern li għandhom dejjem jintużaw għall-ġid tal-poplu sabiex il-frott tagħhom jitgawda mill-poplu kollu.

Dan ifisser illi l-iskop ta’ kull konċessjoni jkun biex ikattar il-ġid tal-poplu kollu b’mod u manjiera illi l-aġir tal-Awtorità jkun dejjem imnebbaħ minn skop soċjali, bil-ġid komuni fuq quddiem.

Dan l-iskop soċjali jista’ jkun wieħed fejn iċ-ċittadini u l-familji tagħhom jibbenefikaw direttament, bħal pereżempju meta l-Gvern ta l-opportunità lill-familji biex proprjetajiet immobbli, suġġett għal ċens temporanju, jiġu mifdija u jsiru liberi u franki; b’kundizzjonijiet favorevoli fejn tidħol ir-residenza ordinarja jiġifieri r-residenza primarja ta’ familja.

L-opportunità ta’ fidi qiegħda hemm ukoll għal residenza sekondarja jew ta’ villeġġjatura.

Iżda kif inhu xieraq il-kundizzjonijiet tal-fidi f’dan il-każ huma anqas favorevoli.

L-artijiet tal-Gvern, nippreferi nsejħilhom tal-poplu, qegħdin hemm ukoll biex l-organizzazzjonijiet kulturali u sportivi jiġu mgħejjunin u jkunu ta’ servizz akbar fil-ħajja tal-komunitajiet lokali tagħna, bħal każini tal-baned u l-għaqdiet sportivi diversi.

Il-patrimonju immobbli tal-poplu jintuża wkoll għat-tkabbir ta’ industriji li huma s-sisien tal-ekonomija ta’ pajjiżna.

Minn żmien għal żmien, b’dispjaċir wieħed jinnota illi jfeġġu episodji fejn il-fiduċja tal-poplu fil-ġestjoni tal-patrimonju mmobbli ta’ pajjiżna tixxellef.

Għandi tasal il-weġgħa ta’ ħaddiema dedikati u onesti li jinkeddu bit-tebgħa li tintefgħa, għaliex dawn l-episodji jċajpru r-reputazzjoni kollettiva ta’ l-awtorità.  

Huwa importanti mmens illli l-proċeduri ta’ kif isiru l-evalwazzjonijiet ikunu trasparenti, u jidher fil-beraħ li jingħata piż lill-kundizzjonijiet li jwasslu għal deċiżjonijiet fl-aqwa interess tal-poplu tagħna.  

Wieħed jinnota b’mod pożittiv l-impenn li ntwera dan l-aħħar mill-Gvern fil-kliem tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Turiżmu Ian Borg, fejn saru dikjarazzjonijiet li għandu jinġabar dak dovut lill-poplu u tissewwa l-ħsara illi l-poplu jista’ jkun sofra minn ċerta deċiżjonijiet – għaliex huwa neċessarju illi fejn ikunu saru żbalji dawn jissewwew – għaliex il-ġid aħħari tal-poplu jrid ikun il-kejl li jmexxina.

Nagħlaq b’nota ta’ apprezzament u ringrazzjament lill-ħaddiema u l-membri tal-Awtorità tal-Artijiet għax-xogħol tagħhom u nkompli nħeġġeġ sabiex mhux biss jerfgħu b’dedikazzjoni r-responsabbiltà ta’ ġestjoni xierqa mnebbħa mill-aqwa ġid tal-poplu tagħna iżda li wkoll jkunu kburin li din ir-responsabbiltà jwettquha b’impenn, fedeltà u dedikazzjoni.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.