Midja

Fiż-żjara tagħha għand il-Papa, l-E.T. il-President Myriam Spiteri Debono kienet akkumpanjata minn żewġha Dr Anthony Spiteri Debono, membri oħra tal-familja tagħha, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Dr Ian Borg u l-familja tiegħu, l-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, l-E.T. Frank Zammit, u uffiċjali mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta li lkoll kellhom l-opportunità li jiltaqgħu mal-Papa Franġisku.

Matul din il-laqgħa, il-President ta’ Malta għaddiet lill-Papa Franġisku apparat mediku biex jintuża fil-klinika Ambulatorio Madre di Misericordia li, fuq inizjattiva tal-Papa stess, toffri servizzi tas-saħħa b’xejn lill-pazjenti fil-bżonn. Apparti dan l-apparat mediku, ġie wkoll preżentat lill-Papa ċestin bi pjetanzi Maltin u Għawdxin.