Midja
Ħamest iklieb ta’ assistenza lestew il-programm ta’ taħriġ u preparazzjoni biex ikunu jistgħu jassistu lil persuni li għandhom kundizzjonijiet differenti, fosthom id-dijabete u l-awtiżmu, matul il-ħajja ta’ kuljum.
It-taħriġ ta’ kull kelb jiswa’ madwar €15,000, iżda l-għaqda volontarja Service Dogs Malta Foundation tieħu ħsieb l-ispejjeż kollha tal-akkwist u t-taħriġ tal-klieb u tgħaddihom b’xejn lill-persuni li jibbenefikaw. Wieħed mill-klieb kien sponsorjat mill-Ministeru għall-Inklużjoni u s-Settur tal-Volontarjat.
Il-klieb kienu ppreżentati lill-persuni li se jibbenefikaw minnhom waqt ċerimonja ta’ gradwazzjoni fil-Palazz ta’ Sant’Anton, organizzata mill-istess Fondazzjoni taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta.
Fid-diskors tagħha, l-E.T. Myriam Spiteri Debono faħħret ix-xogħol tal-Fondazzjoni u l-voluntiera fi ħdanha, għat-tama u wens li joffru lill-individwi u familji fil-bżonn ta’ dawn il-klieb ta’ servizz.
Il-President fissret il-gradwazzjoni ta’ dawn il-ħamest iklieb bħala bidu ġdid għal dawk li se jiddependu fuqhom fil-ħajja ta’ kuljum, u xhieda kif, b’dedikazzjoni, paċenzja u impenn nistgħu nbiddlu l-ħajja tan-nies għall-aħjar.
Is-serata kienet ukoll indirizzata mill-fundatur u Operations Manager tas-Service Dogs Malta Foundation, kif ukoll l-Onorevoli Julia Farrugia, Ministru għall-Inkluzjoni u s-Settur tal-Volontarjat, l-Onorevoli Graziella Galea, Shadow Minister għall-Inklużjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur u l-Arċisqof ta’ Malta, l-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Charles J. Scicluna, li bierek lill-klieb u l-individwi u l-familji li ser jibbenifikaw.













