Midja
L-edizzjoni tal-2026 ERA Awards organizzata mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) saret fil-Kastell Verdala taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta.
L-ERA Awards jirrikonoxxu edukaturi, konservazzjonisti, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet għall-kontribuzzjonijiet u l-azzjonijiet ambjentali tagħhom, u jenfasizzaw kontribuzzjonijiet eċċellenti għall-protezzjoni ambjentali, is-sostenibbiltà, il-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-edukazzjoni ambjentali madwar pajjiżna.
Din is-sena l-aktar premju prestiġjuż tal-lejla, il-Premju Buonamico, ġie ppreżentat mill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono lill-Prof. Paul J. Pace bħala rikonoxximent tal-kontribut fit-tul tiegħu għall-Edukazzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli (ESD).
Fid-diskors tagħha, il-President enfasizzat l-importanza ta’ dawn il-premjijiet, mhux biss bħala rikonoxximent lill-entitajiet u l-individwi rispettivi, iżda wkoll billi twassal messaġġ ċar fir-rigward tal-protezzjoni tal-ambjent bħala dmir kollettiv.
L-Eċċellenza Tagħha ddeskriviet l-ERA Awards bħala “valur miżjud, li juri l-viżjoni olistika fil-ħarsien tal-ambjent, li għandha tiggwida l-politika ambjentali li nimplimentaw, għall-ġid preżenti u futur ta’ pajjiżna.”




