Midja
Il-Kummisarju Għoli tar-Renju tal-Eswatini, l-E.T. Thandazile Penelope Mbuyisa, ippreżentat l-ittri ta’ kredenzjali tagħha lill-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt Valletta.
Waqt il-laqgħa, il-Kummisarju Għoli semmiet kif pajjiżha huwa lest li jesplora opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni fil-qasam tan-negozju hekk kif il-pajjiż beda proċess ta’ diversifikazzjoni kummerċjali li rat żieda fl-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea.
Minn naħa tagħha, l-Eċċellenza Tagħha għarfet li hemm opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni fl-oqsma tax-xjenza, edukazzjoni, turiżmu u skambji kulturali, kif ukoll kollaborazzjoni aktar mill-qrib f’fora internazzjonali fosthom fil-Commonwealth.



