Midja

Il-Kummissarju Għoli tar-Repubblika tat-Tanżanija, l-Eċċellenza Tiegħu Mbarouk Nassor Mbarouk ippreżenta l-ittri ta’ kredenzjali tiegħu lill-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt Valletta.
Waqt il-laqgħa tiegħu mal-Eċċellenza Tagħha, il-Kummissarju Għoli tat-Tanżanija tenna l-impenn li matul il-mandat tiegħu jkompli jsaħħaħ ir-rabtiet bilaterali, b’enfasi partikolari fuq il-promozzjoni tal-investiment, it-tisħiħ tal-iskambji kummerċjali u biex ikunu identifikati opportunitajiet ġodda ta’ kollaborazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku, fosthom fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-turiżmu, u l-kollaborazzjoni portwali u marittima.
F’dan ir-rigward, huwa rrefera għal serje ta’ laqgħat li għandu skedati fil-jiem li ġejjin biex jiġu diskussi opportunitajiet għal aktar kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.
Min-naħa tagħha, l-Eċċellenza Tagħha esprimiet ir-rieda ta’ Malta li taqsam l-esperjenza u l-għarfien li bniet matul dawn l-aħħar snin f’setturi ta’ interess komuni, biex tassisti lit-Tanżanija f’dawn l-oqsma.