Midja

Il-Malta Association of Skin and Wound Care (MASC) iċċelebrat l-20 anniversarju mill-ħolqien tagħha b’serata fil-Palazz ta’ Sant’Anton li matulha ngħataw rikonoxximenti lil individiwi li appoġġjaw il-mixja ta’ din l-Assoċjazzjoni u għenu fl-iżvilupp tal-kura ta’ feriti fil-ġilda.
F’diskors matul is-serata, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, irrikonoxxiet il-ħidma tal-professjonisti u l-paramediċi preżenti, li kienu strumentali biex tjiebet il-kwalità tal-ħajja ta’ tant nies li kellhom bżonn il-kura.
Il-ħidma tal-MASC wasslet ukoll għall-iżvilupp tal-ħiliet tal-istudenti li għażlu din il-vokazzjoni bħala l-karriera tagħhom.
Fi tmiem is-serata kienet ippreżentata donazzjoni b’risq il-ħidma tal-Malta Community Chest Fund.