Midja
Waqt serata organizzata mill-Mediterranean Tourism Foundation fil-Palazz ta’ Sant’Anton, l-E.T. Myriam Spiteri Debono tat rikonoxximenti lil eks ministri, senaturi u sindki minn pajjiżi madwar il-Mediterran għall-impenn tagħhom favur s-sostenibbiltà fit-turiżmu.
Fid-diskors tagħha, il-President ħeġġet lil dawk preżenti biex ikomplu jaħdmu b’impenn favur turiżmu sostenibbli, li joffri esperjenza rikka anke bl-għajnuna tat-teknoloġija moderna. Aċċennat biex dan isir fl-istess waqt li l-industrija tħares il-wirt tagħna, u tipproteġi l-komunitajiet u l-ambjent urban u naturali, b’risq il-ġenerazzjoni preżenti u dawk li jiġu warajna.
Fost oħrajn, għal din l-attività kienet parti mill-Mediterranean Tourism Forum li qed isir f’Malta, kien preżenti d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, u ċ-Chairperson tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Charles Mangion.
Il-President irringrazzjat lit-tmexxija tal-Fondazzjoni, fosthom iċ-Chairman Tony Zahra u l-Kap Eżekuttiv David Agius Muscat, għall-organizzazzjoni ta’ din is-serata.




