Midja

L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, ospitat fil-Kastell Verdala lill-parteċipanti tas-26 edizzjoni tal-World Travel & Tourism Council (WTTC) Global Summit, li qed ilaqqa’ f’Malta mexxejja u rappreżentanti ewlenin tas-settur tat-turiżmu minn madwar id-dinja.
F’diskors li għamlet, il-President saħqet fuq l-importanza tat-turiżmu għall-ekonomija tal-pajjiż, filwaqt li enfasizzat li llum id-diskussjoni m’għandhiex tkun biss dwar kemm jista’ jkompli jikber it-turiżmu, iżda dwar kif dan jista’ jikber aħjar, b’mod sostenibbli u b’aktar valur.
Il-President sostniet li s-suċċess tas-settur ma jistax jitkejjel biss bin-numru ta’ turisti jew mill-kontribut ekonomiku tiegħu, iżda wkoll mill-benefiċċji li jħalli fil-komunitajiet, mill-opportunitajiet li joħloq, u mill-ħarsien tal-identità u l-awtentiċità tal-pajjiż.

Hija enfasizzat ukoll li t-turiżmu ma jistax ikun sostenibbli jekk ikun ta’ detriment għall-kwalità tal-ħajja tar-residenti. F’dan il-kuntest, il-President tkellmet dwar il-ħtieġa li l-iżvilupp ekonomiku jimxi id f’id mas-sostenibbiltà u mal-ħarsien ta’ dak li jagħmel destinazzjoni unika.
F’din l-okkażjoni kien hemm preżenti, fost l-oħrajn, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg, il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Jo Etienne Abela, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, kif ukoll it-tmexxija tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.