Midja
L-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, żaret l-Iskola Saint Patrick’s tas-Sależjani f’Tas-Sliema, bħala parti mill-kampanja tal-Istrina BOV Piggy Bank Campaign.
Matul iż-żjara, il-President faħħret il-ħidma tal-iskola, li sa mill-1903 ilha takkumpanja lit-tfal u liż-żgħażagħ fit-tkabbir u fl-iżvilupp tagħhom, filwaqt li tgħinhom jiskopru t-talenti tagħhom. Fil-messaġġ tagħha lill-istudenti, il-President irreferiet għall-ethos ta’ Don Bosco u għall-attenzjoni partikolari li l-iskola tagħti lill-bżonnijiet ta’ kull student.
Waqt sessjoni ta’ tweġiba u mistoqsija mal-istudenti, il-President fakkret ukoll fl-importanza tas-solidarjetà bħala wieħed mill-valuri ewlenin tas-soċjetà Maltija, u ħeġġet lill-istudenti sabiex, permezz tal-kontribut tagħhom fil-Piggy Bank Campaign, jgħinu lil dawk il-persuni u l-familji li jirrikorru għall-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund.





