Midja

L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, attendiet għaċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Nazzjonali tal-Italja, organizzata mill-Ambaxxata tal-Italja f’Malta.
Fid-diskors tagħha, il-President ta’ Malta nnutat kif l-Italja kien wieħed mill-ewwel pajjiżi li rrikonoxxew is-sovrannità ta’ Malta u stabbilixxew relazzjonijiet diplomatiċi ma’ pajjiżna, fl-istess ġurnata li ksibna l-Indipendenza, u minn dak iż-żmien sar wieħed mis-sħab ewlenin tagħna f’diversi setturi.
Fid-dawl ta’ dan, il-President Spiteri Debono aċċennat il-ħbiberija u l-kooperazzjoni bejn Malta u l-Italja, mhux biss biex jissaħħu r-rabtiet politiċi, ekonomiċi, kulturali u bejn il-popli rispettivi, imma wkoll biex ikunu indirizzati sfidi komuni fil-Mediterran u fuq livell internazzjonali, kif ukoll l-isfidi mit-tibdil fil-klima u l-immigrazzjoni fost l-oħrajn, li jeħtieġu approċċ kollettiv, solidarjetà u l-qsim tar-responsabbiltà.