Midja
It-tieni edizzjoni tal-Malta Biennale ntemmet il-Ġimgħa filgħaxija, waqt ċerimonja li saret fil-Forti Sant’Iermu u l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra, fil-Belt Valletta.
Matul id-diskors tagħha, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, qalet li matul dawn l-aħħar ġimgħat, il-Biennale ta’ Malta 2026 ittrasformat il-pajjiż fi spazju miftuħ għall-kreattività, id-djalogu u r-riflessjoni, filwaqt li għal darb’oħra wriet is-saħħa tal-arti li tgħaqqad lin-nies u tagħti leħen lil realtajiet u esperjenzi diversi.
Il-President irrimarkat li l-Biennale marret ‘lil hinn milli tkun wirja ta’ xogħlijiet artistiċi biss, u saret pjattaforma ħajja fejn il-kreattività kontemporanja involviet ruħha b’mod sinifikanti mal-wirt kulturali u l-ispazji storiċi ta’ Malta.
Hija enfasizzat ukoll “kif din l-edizzjoni kompliet issaħħaħ ir-reputazzjoni internazzjonali ta’ Malta bħala ċentru għall-arti kontemporanja u l-iskambju kulturali, filwaqt li tħeġġeġ il-ħsieb kritiku, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni usa’ fil-kultura, partikolarment fost il-ġenerazzjonijiet iżgħar.”
Il-President ikkonkludiet billi esprimiet it-tama li l-Biennale tkompli tispira ideat ġodda, trawwem bidla pożittiva u ssaħħaħ ir-rwol tal-kultura fil-qalba tas-soċjetà.




