Midja

L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono President ta’ Malta, attendiet għas-serata ta’ Jum Għawdex, organizzata miċ-Circolo Gozitano.
Matul is-serata, il-kirurgu John Baptist Pace, l-artist Anthony Caruana u s-Sależjan Dun Charles Cini ġew rikonoxxuti b’Ġieħ Għawdex għall-kontribut tagħhom matul ħajjithom, b’mod speċjali lill-komunità f’Għawdex.
F’diskors tal-okkażjoni, il-President ta’ Malta aċċennat għall-ispirtu reżiljenti u indipendenti li dejjem iddistingwixxa lill-Għawdxin, bl-għeruq tiegħu fl-istorja u d-dinamika tal-gżira.
Quddiem l-isfidi ġodda u moderni, il-President ħeġġet għal viżjoni wiesgħa u fit-tul biex il-progress f’Għawdex ikun kwalitattiv, u jħares l-awtentiċità u l-identità Għawdxija.