Midja
L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, indirizzat lill-Ambaxxaturi ta’ Malta waqt ċerimonja li saret fil-Palazz tal-President, fil-Belt Valletta.
Fid-diskors tagħha, il-President ħeġġithom biex ikomplu jibnu relazzjonijiet b’saħħithom ma’ entitajiet governattivi u stakeholders f’setturi relevanti fil-pajjiżi assenjati għalihom bħala rappreżentanti ta’ pajjiżna.
Ħeġġithom jibqgħu jsegwu b’attenzjoni dak li jkun għaddej f’Malta u lil hinn minnha. B’hekk pajjiżna jkun jista’ jkompli jibni fuq il-progress notevoli li rnexxielu jikseb tul is-snin.
Il-President esprimiet l-apprezzament tagħha għax-xogħol dedikat tad-diplomatiċi Maltin, u rrikonoxxiet ukoll is-sagrifiċċji li jagħmlu l-familji tagħhom.

