Midja

Fil-preżenza tal-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta u l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo ġiet imnedija uffiċjalment edizzjoni oħra tal-Wirja tal-Imnarja fil-Kastell Verdala.
Din il-wirja awdjo-viżiva, li qed tittella’ għar-raba’ sena konsekuttiva, toffri ħarsa lejn l-iżvilupp tal-agrikoltura Maltija matul is-snin permezz ta’ dokumenti storiċi, ritratti, filmati u materjal arkivistiku ieħor li juri l-evoluzzjoni ta’ wieħed mis-setturi l-aktar importanti għall-pajjiż.
Fid-diskors tagħha, il-President Myriam Spiteri Debono fissret kif l-Imnarja hi l-festa tal-poplu u tgħaqqad il-kultura, il-komunità u l-identità tagħna l-Maltin. Innotat li din il-wirja tiffoka fuq il-wirt agrikolu u filwaqt li ilha tgħti l-opportunità biex wieħed japprezza kif dan is-settur evolva matul iż-żmien, tidentifika l-isfidi preżenti u l-bżonn ta’ impenn biex dawn l-isfidi jiġu indirizzati.
Il-President saħqet ukoll fuq in-neċessità li iktar żgħażagħ jersqu lejn dan is-settur u jikkontribwixxu fuq bażi part time jew full time. Fuq kollox, l-Eċċellenza Tagħha enfasizzat l-importanza li nsostnu l-provvista tal-ikel lokali.
Wara din it-tnedija tal-wirja ġiet organizzata wkoll l-ikla tradizzjonali tal-Imnarja fl-istess Kastell Verdala, bil-qligħ tagħha mar b’risq il-Malta Community Chest Fund, biex tkompli tassisti lil dawk kollha li jiġu bżonn l-għajnuna tagħha.