Midja
Il-ħidma u l-kuntatt dirett tal-Malta Community Chest Fund mal-pazjenti u persuni li jkollhom bżonn l-għajnuna tagħha se terġa’ tkun offruta mill-uffiċċji tal-MCCF, parti mill-Palazz tal-President, fil-Belt Valletta.
Dan wara proċess ta’ ħidma ta’ tliet snin biex dawn l-uffiċċji ġew modernizzati u mgħammra b’faċilitajiet li joffru l-kumdità u l-privatezza neċessarja għal dawk kollha li jirrikorru hawn bit-talbiet tagħhom.
Sakemm tlesta l-proċess ta’ rinnovar, il-Malta Community Chest Fund kienet qed toffri s-servizzi tagħha minn binja ftit metri ‘l bogħod, ġentilment provduta mingħajr ħlas mill-Arċidjoċesi ta’ Malta għal dan l-għan.
L-uffiċċji li kienu inawgurati t-Tlieta filgħaxija, għandhom dħul minn Triq l-Arċisqof, il-Belt Valletta, u jinsabu fil-parti tal-Palazz bejn Strada Merkanti u Strada Rjali.
L-uffiċċji kienu inawgurati mill-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela, l-Arċisqof Charles J. Scicluna u l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Perici Calascione, li kien qed jirrappreżenta lill-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg.



