Midja
Il-Ħadd filgħodu, madwar 800 persuna pparteċipaw fit-tieni edizzjoni ta’ The 10km L-istrina Palace Run, li din is-sena għaqqdet il-Palazz ta’ Sant’Anton mal-Palazz Presidenzjali tal-Belt Valletta.
Din il-ġirja b’risq The Malta Community Chest Fund rat il-parteċipazzjoni ta’ tfal sa anzjani, kemm atleti kif ukoll persuni li jħobbu l-ġiri bħala passjoni, bl-ewwel persuni jlestu l-ġirja ta’ 10 kilometri f’ħin ta’ ftit iktar minn nofs siegħa.
Fi tmiem il-ġirja, kull parteċipant ingħata midalja waqt li l-ewwel tlieta li kklassifikaw f’kull kategorija kienu ppreżentati bi xbiha tal-Palazz Presidenzjali tal-Belt Valletta, mogħtija mill-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono.
Waqt li indirizzat lil dawk preżenti, il-President irringrazzjathom tal-parteċipazzjoni tagħhom, u fakkret kif id-donazzjoni marbuta ma’ din il-ġirja se tkun qed tgħin lil tant pazjenti u lill-familji tagħhom li jirrikorru għall-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund.
L-Eċċellenza Tagħha semmiet li t-talbiet għall-għajnuna huma kostanti u l-bżonnijiet ikomplu jikbru sena wara sena, u spjegat kif l-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund tmur lil hinn mill-għajnuna finanzjarja, iżda wkoll appoġġ soċjali u psikoloġiku lil tant nies li huma affettwati mill-aħbar li persuna qed tbati minn marda jew kundizzjoni medika.





