Midja
L-arazzi meraviljużi tal-Palazz tal-Gran Mastru jinsabu lura f’posthom fl-istess palazz wara proġett ta’ konservazzjoni fil-Belġju li ħa kważi sentejn u li kien parti mill-proġett estensiv ta’ restawr li Heritage Malta qed twettaq f’dan il-palazz.
L-inawgurazzjoni tal-arazzi restawrati saret taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta, u fil-preżenza tal-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, Malcolm Paul Agius Galea.
Fid-diskors tagħha waqt l-inawgurazzjoni tal-arazzi restawrati, li fissrithom bħala patrimonju uniku, storiku u artistiku, il-President ta’ Malta qalet li din l-okkażjoni għandha tkompli tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-konservazzjoni tal-wirt kulturali tagħna.
L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono aċċennat li l-patrimonju kulturali għandu jkun għajn ta’ edukazzjoni, ispirazzjoni u għaqda, waqt li jkompli jservi bħala pont bejn il-ġenerazzjonijiet u bħala mezz biex aktar nies, speċjalment iż-żgħażagħ, japprezzaw il-ġid storiku u artistiku ta’ pajjiżna.
Il-President ta’ Malta rrikonoxxiet il-ħidma li saret biex dawn ix-xogħlijiet prezzjużi jibqgħu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada, u esprimiet apprezzament lil Heritage Malta, lit-tmexxija tagħha, lill-esperti kollha involuti, kif ukoll lill-konservaturi, għall-impenn u l-professjonalità tagħhom.



