Midja
Waqt żjara ta’ korteżija fil-Palazz ta’ Sant’Anton, id-Direttur tad-Dipartiment tal-Informazzjoni Roderick Caruana, flimkien ma’ Joanne Sciortino Trevisan, Assistent Direttur u Carl Farrugia, Maniġer fl-istess Dipartiment, ippreżentaw lill-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, kopja tal-ktieb kommemorattiv maħruġ fl-okkażjoni tas-70 anniversarju mit-twaqqif tad-Dipartiment.
Il-pubblikazzjoni tiġbor flimkien 70 ritratt li qatt ma ġew ippubblikati qabel, kollha meħudin minn fotografi tad-Dipartiment tal-Informazzjoni. Permezz tagħhom, il-ktieb jagħti ħarsa minn wara l-kwinti lejn avvenimenti nazzjonali u internazzjonali, żjarat statali, kif ukoll aspetti differenti tal-ħajja ta’ kuljum f’Malta matul l-aħħar sebgħin sena.
Il-President irringrazzjat lid-Dipartiment tal-Informazzjoni għall-ħidma professjonali li jwettaq kuljum sabiex ikunu dokumentati u ppreservati mumenti importanti mill-ħajja nazzjonali ta’ pajjiżna, filwaqt li jkompli jwassal informazzjoni ta’ interess pubbliku lill-poplu Malti u Għawdxi.
