Midja

L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, laqgħet lill-Eċċellenza Tiegħu Yiorgos Christofides għal żjara ta’ korteżija fi tmiem it-terminu tiegħu bħala Kummissarju Għoli mhux residenti tar-Repubblika ta’ Ċipru għal Malta.
Matul il-laqgħa, iż-żewġ naħat tkellmu dwar ir-relazzjoni pożittiva bejn Malta u Ċipru, mibnija fuq valuri u interessi komuni, fosthom il-fatt li ż-żewġ pajjiżi jinsabu fil-qalba tal-Mediterran. Ġiet enfasizzata wkoll il-kooperazzjoni mill-qrib kemm fuq livell bilaterali kif ukoll fi ħdan il-fora Ewropej u internazzjonali.
Id-diskussjoni ffukat ukoll fuq l-iżviluppi reġjonali fil-Mediterran u fil-Lvant Nofsani, il-ħidma ta’ Ċipru matul il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fuq l-opportunitajiet biex tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi f’oqsma bħall-konnettività, it-turiżmu, l-edukazzjoni, is-sigurtà marittima u l-iskambji bejn iż-żewġ popli.
Il-President irringrazzjat lill-Eċċellenza Tiegħu Yiorgos Christofides għall-ħidma li wettaq fl-aħħar snin u awguratlu kull suċċess għar-responsabbiltajiet futuri tiegħu.
Il-Kummissarju Għoli kien akkumpanjat mid-Deputat Kap tal-Ambaxxata tar-Repubblika ta’ Ċipru fl-Italja, Kypriani Stavrinaki.