Midja
Il-Ġimgħa filgħaxija, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri attendiet għal kunċert ta’ Jum il-Kottonera, organizzat mill-Fondazzjoni Kottonera fil-Knisja Santa Liberata (tal-Kapuċċini) tal-Kalkara.
Matul is-serata, Patri Mark Montebello kien rikonoxxut b’Ġieħ il-Kottonera, b’rikonoxximent għall-ħidma li wettaq matul is-snin b’risq il-komunitajiet tal-Kottonera, partikolarment fil-qasam soċjali, edukattiv u umanitarju.
F’diskors tal-okkażjoni, il-President ta’ Malta aċċennat għal kif il-kultura ma tinsabx biss fil-monumenti, is-swar u l-binjiet storiċi li jdawru l-Kottonera, imma wkoll fil-qawmien soċjali, kulturali u ekonomiku li l-komunità ta’ dawn l-inħawi ta’ Malta esperjenzat matul is-snin.
F’dan l-isfond, il-President ħeġġet biex ikomplu nħeġġu liż-żgħażagħ biex isiru jafu din l-istorja u jagħmluha tagħhom, biex ma nirriskjawx li nitilfu l-wirt li ma jgħaddix minn ġenerazzjoni għal oħra.





