Midja
Il-Ħamis filgħaxija, fil-Palazz ta’ Sant’Anton, Festivals Malta, permezz tal-Kumitat Festi Nazzjonali, flimkien mal-Akkademja tal-Malti, organizzaw serata mużiko-letterarja f’ġieħ il-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila.
F’diskors ta’ merħba, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, saħqet fuq il-kontribut imprezzabbli ta’ Dun Karm lejn il-letteratura u l-identità Maltija, filwaqt li enfasizzat il-ħtieġa li l-lingwa Maltija tibqa’ titħaddem, tiġġedded u tingħata l-importanza li jixirqilha fis-soċjetà tal-lum.
Il-kommemorazzjoni ta’ din is-sena inkludiet interpretazzjonijiet mużikali ta’ wħud mix-xogħlijiet tal-Poeta Nazzjonali, kif ukoll interventi dwar il-wirt letterarju tiegħu, fosthom apprezzament letterarju ta’ silta mill-poema Il-Jien u Lil Hinn Minnu, minn David Aloisio, kitba li hija waħda mill-aktar xogħlijiet importanti ta’ Dun Karm, li beda jikteb disgħin sena ilu, fl-1936.




