Midja
It-tieni edizzjoni tal-kunċert Kuraġġ, li jgħaqqad il-mużika u l-ispettaklu mar-realtajiet tal-persuni li għaddew jew għaddejjin minn esperjenzi ta’ mard, se ssir fuq tliet serati nhar is-7, 8 u 9 ta’ Novembru fit-Teatru Sależjan, f’Tas-Sliema.
Dettalji dwar Kuraġġ ta’ din is-sena ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta, li fissret kif dan il-kunċert hu ispirat mill-kuraġġ, reżiljenza u t-tama tal-pazjenti li jiġu bżonn l-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund.
L-Eċċellenza Tagħha spjegat kif il-fejqan jiddependi mhux biss mill-għajnuna finanzjarja, imma wkoll l-appoġġ li l-pazjenti u l-qraba tiegħu jirċievu matul il-vjaġġ tagħhom tal-ġlieda kontra l-mard.
Għalhekk appellat lill-pubbliku biex jikkonkorri għal dan il-kunċert, u b’hekk jinġabru fondi bżonjużi għall-ħidma tal-Malta Community Chest Fund.
Il-kunċert Kuraġġ qed isir bl-appoġġ tal-Fond għall-kawżi Ġusti.


