Huwa ta’ unur u sodisfazzjon kbir għalija li llum qed ningħaqad magħkom biex niċċelebraw il-ftuħ tat-tieni edizzjoni tal-Malta Biennale 2026. Inizjattiva kulturali, li f’qasir żmien kisbet reputazzjoni internazzjonali u qed tkompli tpoġġi lil pajjiżna b’mod sod fuq il-mappa globali tal-arti kontemporanja.
Din iċ-ċelebrazzjoni kulturali issa ħadet postha ma’ firxa wiesa ta’ manifestazzjonijiet kulturali minn madwar id-dinja li jiċċelebraw l-kreattività u l-innovazzjoni tal-artist bħala ħassieb kritiku, dak li jirrifletti fuq is-soċjetà kontemporanja b’mod kritiku u analitiku iżda wkoll b’impenn għal futur aħjar.
Il-Biennale mhijiex sempliċement wirja, hija spazju fejn il-ħsieb jiltaqa’ mal-kreattività, fejn il-wirt tagħna jiltaqa’ mal-futur, u fejn Malta tiftaħ il-bibien artistiċi tagħha lid-dinja.
F’dawn iż-żminijiet ta’ bidla mgħaġġla u sfidi globali, l-arti tibqa’ lingwa universali li tgħaqqad, tistieden għar-riflessjoni u tħeġġeġ l-enerġiji mentali u fiżiċi jfittxu realtà aħjar.
Kważi sentejn ilu, fl-indirizz tiegħi fl-għeluq tal-ewwel edizzjoni tal-biennale, innutajt kif din il-pjattaforma ma kinitx biss opportunità għall-artisti biex jesebixxu xogħolhom, iżda kienet opportunità biex Malta tkun ta’ sfond għal dawn ix-xogħlijiet tagħhom. Din id-darba, ukoll, l-ispazji storiċi tagħna ser ikunu mkejjen li joffru riflessjoni u skambju.
Bil-pożizzjoni strateġika ta’ Malta bħala sfond, l-istorja li ż-żmien niseġ, hekk kif għaddiet minn fuqha l-milja tas-snin; snin fejn pajjiżna għal żmien twil ixxennaq għall-ħelsien sħiħ, sakemm qajl qajl ixxettlet u telgħet fuq quddiem is-sovranità tal-poplu tagħna, li fl-aħħar rema dak li kien jassru u jżommu lura, il-ħakmiet mill-barrani, is-servilità tal-kolonjaliżmu imperjali, pajjiżna, fis-sitwazzjonijiet politko-soċjali tal-preżent, huwa idonju biex jospita ċelebrazzjoni tal-ħiliet tal-umanità li minna fiha, għandha d-doni għal tiġdid u progress.
Għalhekk, il-Biennale ta’ Malta tafferma l-valur tal-libertà tal-espressjoni bħala l-pedament tal-ħajja kulturali, mibnija fuq l-artist li jimraħ, li jistaqsi u li jisfida!
It-tema magħżula għal din l-edizzjoni hija stedina, lilna lkoll, stedina biex nirriflettu fuq r-responsabbiltajiet li għandu kull wieħed minna fi żminijiet ta’ tibdiliet kbar.
Bidliet xprunati mit-teknoloġija, l-inċertezzi fejn għandu x’jaqsam is-salvagwardja tal-ambjent, u realtajiet soċjali li dejjem jinbidlu f’dinja ta’ potenzi u interessi ġeopolitiċi, li f’ċerta każijiet qiegħdin jissarfu f’impożizzjoni u dominanza flok sħubija msejsa fuq valuri ekwi u ugwaljanza.
L-arti kontemporanja spiss taf tkun il-vuċi tar-raġuni fi żminijiet ta’ tibdiliet kbar bħal ma huma dawn, tpoġġilna quddiemna firxa ta’ possibilitajiet wkoll lil hinn minn dak li fil-fatt naħsbu li għandna. Iżda dawn ma humiex risposti sempliċi jew soluzzjonijiet faċli.
F’din it-tieni edizzjoni, il-Biennale ta’ Malta mill-ġdid ingħatat il-patroċinju prestiġjuż tal-UNESCO, rikonoxximent li jixhed kemm din il-pjattaforma qed tippromwovi d-djalogu interkulturali u l-valuri universali tal-kultura, l-edukazzjoni u fratellanza umanitarja.
Dan il-patroċinju mhuwiex biss simboliku; huwa vot ta’ fiduċja f’pajjiżna li jara l-kultura bħala pont bejn il-popli u bejn iż-żminijiet.
It-tieni edizzjoni ġġorr magħha t-temi: Clean | Clear | Cut, (Tnaddaf | Tgħarraf | Tferraq). Tlett verbi li joħolqu qafas rigoruż li jindirizza sfidi eżistenzjali li qed jaffaċċja r-reġjun tagħna tal-Mediterran u wkoll il-kumplament tad-dinja.
L-edizzjoni ta’ din is-sena qed tilqa’ aktar minn mija u tletin (130) artist minn aktar minn erbgħin (40) pajjiż, b’xogħlijiet imqassma f’sebgħa u għoxrin (27) paviljun fi ħdax (11)-il sit storiku u mużew, kemm f’Malta u anke f’Għawdex.
Il-fatt li din l-edizzjoni tal-Biennale rċeviet aktar minn tlett elef u mitejn (3,200) applikazzjoni artistika minn mija u tnejn u għoxrin (122) pajjiż, juri biċ-ċar kemm l-importanza tal-Biennale ta’ Malta kibret f’qasir żmien. Dan huwa wkoll xhieda li Malta qed issir ċentru vibranti ta’ kreattività u innovazzjoni artistika.
Ninnota illi l-parteċipazzjoni hija inklussiva u mifruxa: biżżejjed insemmi l-parteċipazzjoni ta’ artisti nisa. Aktar minn ħamsin fil-mija tal-parteċipanti huma nisa u dan huwa awgurju tajjeb għaliex huwa fatt illi fl-arti, bħal f’ħafna sferi, in-nisa ma kellhomx viżibilità.
Element ieħor ta’ min ifaħħru huwa l-padiljun preżentat mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – dawn huma eżempji ħajin, konkreti li jkissru l-istigma u l-emarġinazzjoni.
L-artisti u x-xogħolijiet magħżula, mertu anke tal-esperjenza tal-kuratur Rosa Martinez, juru rappreżentazzjonijiet li jirreżistu l-ġerarkiji tradizzjonali tad-dinja tal-arti viżiva internazzjonali, u minflok, jimbuttaw biex ikunu esposti dawk il-biċċiet tal-arti li jolqtu b’mod dirett it-temi magħżula.
L-irwol ta’ Malta f’dan il-kuntest huwa importanti ħafna.
Malta tokkupa pożizzjoni ġeografika strateġika bejn il-konfini ta’ żewġ kontinenti.
Minn meta Malta saret stat sovran, pajjiżna sar xempju ħaj ta’ kif pajjiż, għalkemm ċkejken fid-daqs u nieqes minn riżorsi naturali, jista’ jkollu impatt fuq temi li qed jaffettwaw lill-kumplament tal-globu.
Fl-operat tagħna fl-isfera internazzjonali wrejna ripetutament b’mod konsistenti li Malta tieħu b’serjetà kbira d-dmir kostituzzjonali tagħha li attivament taħdem għall-paċi u l-progress fost il-ġnus.
Għalhekk huwa importanti wkoll illi mill-Malta Biennale joħroġ il-messaġġ ta’ responsabbiltà lejn il-ġenerazzjonijiet futuri, il-bnedmin ta’ għada. Nittama b’mod speċjali li dan il-Biennale jispira lil ħafna żgħażagħ Maltin biex jersqu eqreb lejn l-arti, jiskopru leħinhom u jkompli jsaħħu l-impatt fuq is-soċjetà u d-dinja li ngħixu fiha.
Għaldaqstant l-Biennale ta’ Malta, aktar minn sempliċi wirjiet, għandha sservi ta’ sensiela ta’ riflessjonijiet, li jixprunaw il-ħsieb ta’ min iżurha.
Nemmen bis-sħiħ li l-kultura għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd. Spiċċat l-era, li l-arti tkun privileġġ tal-ftit, iżda lkoll irridu ngħinu biex verament issir wirt komuni li jappartjeni lill-popli kollha. Inħeġġeġ lill-pubbliku, lill-familji, u lill-istudenti biex iżuru din l-arti mifruxa mal-pajjiż u jesperjenzaw l-isfumaturi ta’ dan il-vjaġġ artistiku.
Nagħlaq billi nirriknoxxi l-ħidma ta’ Heritage Malta, it-tmexxija kuratorjali, u nsellem lill-istituzzjonijiet sieħba u lil dawk kollha li bid-dedikazzjoni tagħhom għamlu din l-edizzjoni possibbli.
Il-ħidma tagħkom turi kif il-ħarsien tal-wirt kulturali u l-kreattività kontemporanja jistgħu jingħaqdu b’mod li jissalvagwardja l-libertà artistika u l-ħelsien intellettwali.
Nirringrazzja wkoll lill-artisti li qed jipparteċipaw f’dan il-Biennale. Permezz tax-xogħol tagħkom, intom tistiednu lilna naħsbu b’mod kritiku dwar ir-relazzjoni tagħna mat-teknoloġija, mal-ambjent, mal-poter, u ma’ xulxin.
Fl-aħħar nett inkun qed nonqos jekk mal-ħafna li kkontribwixxew biex ittellgħet din it-tieni edizzjoni tal-Biennale ta’ Malta, ma nsemmix lil Mario Cutajar, Chairman ta’ Heritage Malta, li għat-tieni darba, dak li kien ilu jsefsef, jobrom u joħlom f’moħħu irnexxilu jikkonkretizzah. U kif!