Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

Diskussjonijiet bejn l-MCCF u l-Gvern dwar il-mekkaniżmu ta’ finanzjament għall-kura onkoloġika

Waqt konferenza tal-aħbarijiet konġunta, bejn il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, u l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, ingħatat informazzjoni dwar id-diskussjonijiet bejn il-Malta Community Chest Fund (MCCF) u l-Ministeru għas-Saħħa dwar il-mekkaniżmu ta’ finanzjament għall-kura onkoloġika.

Il-President fissret li r-raġuni prinċipali għala ssejħet din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet li nħass il-bżonn li jingħata serħan il-moħħ lin-nies li, sakemm ikunu għaddejjin id-diskussjonijiet u l-mekkaniżmu l-ġdid ikun jista’ jibda jitħaddem, il-bżonnijiet tal-pazjenti se jibqgħu jiġu indirizzata mill-MCCF, kif dejjem sar sa issa, bl-għajnuna finanzjarja li tingħata mill-Gvern għal dan l-għan.

L-MCCF oriġinarjament twaqqfet għal skopijiet soċjali biex tgħin f’każijiet fis-soċjetà tagħna li jkollhom bżonn l-għajnuna meta jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli. Dan l-impenn tal-MCCF hu bżonjuż ferm fis-soċjetà tagħna.

L-MCCF m’għandhiex skop wieħed partikulari, iżda dejjem kienet ta’ faraġ f’kull sitwazzjoni diffiċli li n-nies ikollhom. Biex tibqa’ tkun f’pożizzjoni li tibqa’ tgħin kif u fejn ikun hemm bżonn, l-MCCF għandha bżonn is-sostenn tal-pubbliku, li jirrikorri għas-sejħiet ta’ għajnuna mill-MCCF, u partikolarment fil-ġbir li jsir bl-attività L-Istrina l-għada tal-Milied, ta’ kull sena.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva saħaq fuq l-impenn tal-Gvern li, bħalma għamel tul dawn l-aħħar snin, ikompli jassisti lil Malta Community Chest Fund b’kull mezz għad-dispożizzjoni tiegħu.

Dr Abela faħħar l-impenn tal-Malta Community Chest Fund favur persuni fil-bżonn fl-oqsma kollha ta’ bżonnijiet speċjali. Kompla jgħid li d-diskussjonijiet dwar il-funzjoni tal-MCCF fil-qasam tal-kura onkoloġika huma fi stadju avvanzat. Dan il-proċess jitlesta meta mekkaniżmu għall-inklużjoni ta’ mediċini innovattivi jiġi mħejji u mwettaq.

Għaldaqstant, il-Ministru Abela temm jgħid li, sakemm l-istruttura l-ġdida tidħol fis-seħħ, l-MCCF se jkompli jaqdi l-funzjoni tiegħu bil-Ministeru tas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva joffri kull assistenza. Dan ifisser li, sakemm il-mekkaniżmu l-ġdid jidħol fis-seħħ u jibda jitħaddem, il-pazjenti li jkollhom bżonn kura onkoloġika jibqgħu jirrikorru għand l-MCCF, li bl-għajnuna finanzjarja tal-Gvern tibqa’ tagħtihom l-assistenza kollha li jeħtieġu.