Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

Ħatra ta’ Maġistrati ġodda

​Il-President ta’ Malta tgħarraf li:

Wara li fis-7ta’ Novembru 2025 saret sejħa pubblika mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Dr Jonathan Attard, ai termini ta’ Artikolu 96 B (1) u Artikolu 100 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, għal ħatra ta’ tlett Maġistrati ġodda, li l-applikazzjonijiet għaliha kienu jagħlqu fit-28ta’ Novembru 2025, fis-6ta’ Jannar 2026 ingħatajt Rapport ai termini tal-Artikolu 96A (6) (d) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta datat ukoll is-6ta’ Jannar 2026 maħruġ mill-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura mwaqqaf bl-Artikolu 96 A tal-Kostituzzjoni ta’ Malta: dan wara laqgħa tal-istess Kumitat li saret fit-22ta’ Diċembru 2025 fejn ġew evalwati dsatax (19)-il espressjoni ta’ interess għal ħatra ta’ tlett Maġistrati.

Dan ir-Rapport poġġa għall-kunsiderazzjoni tiegħi l-ismijiet ta’ tlett kandidati li skont ir-rapport kienu l-aktar idoneji u minn dawn it-tlett ismijiet skont l-Artikolu 96 A (6) (d) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta il-President jagħżel wieħed.

It-tliet ismijiet imressqa f’ordni alfabetika kienu ta’:

  1. Giordmaina Franca
  2. Valentino Patrick, u
  3. Zammit Claudio

Minn dawn it-tlett ismijiet jiena għażilt dak ta’ Valentino Patrick.

Fid-9 ta’ Jannar 2026 għarraft lill-Kumitat li l-għażla tiegħi skont l-istess Artikolu 96 A (6) (d) kienet ta’: Valentino Patrick

Sussegwentament nhar il-ħmistax ta’ Jannar 2026 is-Segretarju tal-Kumitat ippreżentali it-tieni Rapport dettaljat naxxenti ukoll dan ir-Rapport minn seduta tat-22 ta’ Diċembru 2025 bl-ismijiet skont l-Artikolu 96 A (6) (d) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta ta’ tlett kandidati li fil-fehma tal-Kumitat kienu l-aktar idoneji u meritevoli.

L-ismijiet f’ordni alfabetika kienu dawn:

  1. Caruana Debrincat Natalino
  2. Giordmaina Franca, u
  3. Zammit Claudio

L-għażla minn dawn it-tliet ismijiet skont l-istess Artikolu 96 A (6) (d) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta hija ta’: Zammit Claudio.

Fid-dsatax ta’ Jannar 2026 għarraft lill-Kumitat li l-għażla tiegħi skont l-istess Artikolu 96 A (6) (d) kienet ta’ Zammit Claudio.

Sussegwentament nhar il-21 ta’ Jannar 2026 is-Segretarju tal-Kumitat ippreżentali it-tielet Rapport dettaljat datat 20 ta’ Jannar 2026, naxxenti ukoll dan ir-Rapport minn seduta tat-22 ta’ Diċembru 2025 bl-ismijiet skont l-Artikolu 96 A (6) (d) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta ta’ tlett kandidati li fil-fehma tal-Kumitat kienu l-aktar idoneji u meritevoli.

L-ismijiet f’ordni alfabetika kienu dawn:

  1. Caruana Debrincat Natalino
  2. Giordmaina Franca, u
  3. Pace Grima Daniela.

Minn dawn it-tliet ismijiet jien għażilt dak ta’ Giordmaina Franca.

Billi skont l-Artikolu 100 (1) tal-Kostituzzjoni l-Maġistrati tal-Qrati Inferjuri jiġu maħtura mill-President li jaġixxi fuq rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kumitat dwar Ħatriet tal-Ġudikatura stabbilit bl-Artikolu 96 A tal-Kostituzzjoni, il-President taħtar, f’ordni alfabetiku lis-segwenti persuni sabiex iservu ta’ Maġistrati tal-Qrati Inferjuri:

Giordmaina Franca

Valentino Patrick

Zammit Claudio

L-ismijiet tal-Kandidati li fl-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura kienu idoneji u meritevoli u li tressqu għall-għażla tal-President bil-proċedura stabbilita mill-Artikolu 96A (6) (d) u li skont l-istess Artikolu huwa mistenni li jiġu pubblikati huma dawk li jidhru aktar il fuq f’din l-istqarrija.

B’dan ikun dikjarat illi l-ħatra ta’ tlett Maġistrati skont is-sejħa pubblika maħruġa mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni fis-7 ta’ Novembru 2025 ġiet sodisfatta u eżawrita.

Il-President tifraħ lill-Ġudikanti Maġistrati ġodda u tirringrazzja lil membri tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura għax-xogħol metikoluż li wettqu.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.