Il-President ta’ Malta tgħarraf li:
Wara li fit-2 ta’ April 2026 saret sejħa pubblika minn dak iż-żmien il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Dr. Jonathan Attard, ai termini ta’ Artikolu 96 B (1) u Artikolu 100 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, għal ħatra ta’ żewġ Maġistrati ġodda, li l-applikazzjonijiet għaliha kienu jagħlqu fit-23 ta’ April 2026, fit-18 ta’ Mejju 2026 ingħatajt Rapport ai termini tal-Artikolu 96A (6) (d) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta datat ukoll 18 ta’ Mejju 2026 maħruġ mill-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura mwaqqaf bl-Artikolu 96 A tal-Kostituzzjoni ta’ Malta: dan wara laqgħa ta’ l-istess Kumitat li saret fis-7 ta’ Mejju 2026 fejn ġew evalwati sbatax (17) il-espressjoni ta’ interess għal ħatra ta’ żewġ Maġistrati.
Dan ir-Rapport poġġa għall-kunsiderazzjoni tiegħi l-ismijiet ta’ tlett kandidati li skont ir-rapport kienu l-aktar idonei u minn dawn it-tlett ismijiet skont l-Artikolu 96 A (6) (d) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta il-President jagħżel wieħed.
It-tlett ismijiet imressqa f’ordni alfabetiku kienu ta’:
- Caruana De Brincat Natalino
- Farrugia Renata, u
- Quintano Elizabeth
Minn dawn it-tlett ismijiet jiena għażilt dak ta’ Caruana De Brincat Natalino, u fid-9 ta’ Ġunju 2026 għarraft lill-Kumitat li l-għażla tiegħi skont l-istess Artikolu 96 A (6) (d) kienet ta’:
Caruana De Brincat Natalino
Sussegwentament nhar l-għaxra ta’ Ġunju 2026 is-Segretarju tal-Kumitat preżentali it-tieni Rapport naxxenti ukoll dan ir-Rapport mis-seduta tas-sebgħa ta’ Mejju 2026 bl-ismijiet skont l-Artikolu 96 A (6) (d) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta ta’ tlett kandidati li fil-fehma tal-Kumitat kienu l-aktar idonei u meritevoli.
L-ismijiet f’ordni alfabetiku kienu dawn:
- Farrugia Renata
- Quntano Elizabeth, u
- Vella John Mary
L-għażla minn dawn it-tliet ismijiet skont l-istess Artikolu 96 A (6) (d) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta hija ta’:
Farrugia Renata
Billi skont l-Artikolu 100 (1) tal-Kostituzzjoni l-Maġistrati tal-Qrati Inferjuri jiġu maħtura mill-President li jaġixxi fuq rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kumitat dwar Ħatriet tal-Ġudikatura stabbilit bl-Artikolu 96 A tal-Kostituzzjoni, il-President taħtar, f’ordni alfabetiku lis-segwenti persuni sabiex iservu ta’ Maġistrati tal-Qrati Inferjuri:
Caruana De Brincat Natalino
Farrugia Renata
L-ismijiet tal-Kandidati li fl-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura kienu idonei u meritevoli u li tressqu għall-għażla tal-President bil-proċedura stabbilita mill-Artikolu 96 A (6) (d) u li skont l-istess Artikolu huwa mistenni li jiġu pubblikati huma dawk li jidhru aktar il fuq f’din l-istqarrija.
B’dan ikun dikjarat illi l-ħatra ta’ żewġ Maġistrati skont is-sejħa pubblika maħruġa minn dak iż-żmien il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni fit-2 ta’ April 2026 ġiet sodisfatta u eżawrita.
Il-President tifraħ lill-Ġudikanti Maġistrati ġodda u tirringrazzja lil membri tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura għax-xogħol li wettqu.
Myriam Spiteri Debono
President ta’ Malta
Illum 15 ta’ Ġunju 2026