Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

Ħatra ta’ żewġ Imħallfin ġodda

​Il-President ta’ Malta tgħarraf li:

Wara li fit-30ta’ Jannar 2026 saret sejħa pubblika mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Dr Jonathan Attard, għal ħatra ta’ żewġ Imħallfin ġodda, li l-applikazzjonijiet għaliha kienu jagħlqu fl-20ta’ Frar 2026, fl-20ta’ Marzu 2026 ingħatajt Rapport ai termini tal-Artikolu 96A (6) (d) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta datat ukoll 20ta’ Marzu 2026, maħruġ mill-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura mwaqqaf bl-Artikolu 96 A tal-Kostituzzjoni ta’ Malta: dan wara laqgħa tal-istess Kumitat li saret nhar it-Tlieta 3ta’ Marzu 2026 fejn ġew evalwati wieħed u għoxrin (21) espressjoni ta’ interess minn diversi persuni eliġibbli għal din il-ħatra.

Dan ir-Rapport poġġa għall kunsiderazzjoni tiegħi l-ismijiet ta’ tliet kandidati li skont ir-rapport kienu l-aktar idonei għal din il-ħatra u minn dawn it-tliet ismijiet skont l-Artikolu 96 A (6) (d) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta il-President ta’ Malta jagħżel wieħed.

It-tliet ismijiet imressqa f’ordni alfabetiku li fil-fehma tal-Kumitat kienu l-aktar idonei u meritevoli għall-kariga ta’ Mħallef kienu dawn:

  1. Rizzo Elaine
  2. Stafrace Zammit Claire, u
  3. Sultana Brigitte

Minn dawn it-tliet ismijiet jiena għażilt dak ta Stafrace Zammit Claire.

Fit-23 ta’ Marzu 2026 għarraft lill-Kumitat li l-għażla tiegħi skont l-istess Artikolu 96 A (6) (d) kienet ta’:

Stafrace Zammit Claire

Sussegwentament nhar l-24 ta’ Marzu 2026 is-Segretarju tal-Kumitat wassalli t-tieni Rapport dettaljat, naxxenti wkoll dan ir-Rapport, mis-seduta tal-Kumitat tat-03 ta’ Marzu 2026 bl-ismijiet skont l-Artikolu 96 A (6) (d) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta ta’ tliet kandidati li fil-fehma tal-Kumitat kienu l-aktar idonei u meritevoli għall-kariga ta’ Mħallef.

It-tliet ismijiet f’ordni alfabetika kienu dawn:

  1. Caruana Leonard
  2. Rizzo Elaine u
  3. Sultana Brigitte

L-għażla tiegħi minn dawn it-tliet ismijiet skont l-istess Artikolu 96 A (6) (d) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta hija ta’:

Sultana Brigitte

Billi skont l-Artikolu 96 (1) tal-Kostituzzjoni l-Imħallfin tal-Qrati Superjuri jiġu maħtura mill-President li jaġixxi fuq rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kumitat dwar Ħatriet tal-Ġudikatura stabbilit bl-Artikolu 96 A tal-Kostituzzjoni, il-President taħtar, f’ordni alfabetiku lis-segwenti persuni sabiex iservu ta’ Imħallfin tal-Qrati Superjuri:

Stafrace Zammit Claire

Sultana Brigitte

L-ismijiet tal-Kandidati li fl-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura kienu idonei u meritevoli u li tressqu għall-għażla tal-President bil-proċedura stabbilita mill-Artikolu 96 A (6) (d) u li skont l-istess Artikolu huwa mistenni li jiġu pubblikati huma dawk li jidhru aktar ’il fuq f’din l-istqarrija.

B’dan ikun dikjarat illi l-ħatra ta’ żewġ Imħallfin skont is-sejħa pubblika maħruġa mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni fit-30 ta’ Jannar 2026 ġiet sodisfatta u eżawrita.

Il-President tifraħ lill-Ġudikanti Mħallfin ġodda u tirringrazzja lill-membri tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura għax-xogħol metikoluż li wettqu.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.