Mijiet ta’ persuni attendew l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu, b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Matul l-edizzjoni ta’ din is-sena kienu introdotti diversi elementi ġodda, fosthom it-tiżjin bil-pavaljuni u l-bandalori bl-istemmi ta’ Gran Mastri differenti, li taw laqta festiva lill-Ballu u ċċelebraw l-istorja tal-Kastell Verdala. Dan waqt li l-arranġamenti tal-fjuri kkumplimentaw l-arkitettura u l-arti tal-post.
Element ieħor li ċċelebra l-istorja tal-Kastell kienet is-sorpriża ta’ din is-sena, b’żifna minn żeffiena tal-YADA Dance Company, taħt il-gwida ta’ Felix Busuttil, li taw ħajja ġdida lil-leġġenda tal-Blue Lady li jingħad li tidher hawn.
Waqt li l-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta żammet mat-tradizzjoni tal-ballu, u mill-ġdid allegrat lil dawk li attendew, magħha ngħaqdu wkoll il-Big Band Brothers u l-kantanti Jessica Magro, Jessica Micallef, Daniel Cauchi u Jolene Samhan.
Il-President ta’ Malta, l-E.T. Myriam Spiteri Debono, tirringrazzja lill-voluntiera, ħaddiema u sponsors li kkontribwixxew għas-suċċess ta’ dan l-avveniment storiku.