Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President ta’ Malta ssegwi l-aħħar preparamenti għal Tisjir mill-Qalb

L-E.T. Myriam Spiteri Debono żaret l-istamperija Best Print Ltd. u segwiet l-aħħar fażi tal-proċess tal-istampar ta’ ‘Tisjir mill-Qalb’, li bħal kull sena se jinbiegħ b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Akkumpanjata mis-sid tal-kumpanija, Mario Abela, il-President iltaqgħet ukoll l-ħaddiema tal-kumpanija, li ilhom għall-aħħar ġimgħat għaddejjin bil-preparamenti u l-istampar tal-pubblikazzjoni ta’ din is-sena.

Matul iż-żjara tagħha, il-President kienet akkumpanjata minn Sina Bugeja, Chairperson tal-Malta Community Chest Fund (MCCF), kif ukoll uffiċjali tal-Presidenza u tal-MCCF.

Din is-sena, il-ktieb jiffoka fuq l-identità u l-kultura kulinarja ta’ Malta, bħala gżira fil-qalba tal-Mediterran, b’riċetti tradizzjonali Maltin li wħud minnhom ingħataw bixra ġdida. L-ingredjenti użati huma dawk friski skont l-istaġun.

Fid-daħla tal-ktieb, il-President titkellem dwar l-ikel mhux biss bħala memorja, tradizzjoni u mħabba servuta fuq platt, imma wkoll bħala “kumpann tal-vjaġġ tal-ħajja tagħna, għaliex jiffaċilita d-diskussjonijiet u l-laqgħat soċjali tagħna madwar il-mejda, u jgħaqqadna flimkien.”

‘Tisjir mill-Qalb’, disponibbli bil-Malti u bl-Ingliż, se jkun qed jinbiegħ fi tmiem din il-ġimgħa, matul il-Fiera tal-Ktieb fl-MFCC, Ta’ Qali u jkun disponibbli wkoll mill-ħwienet tal-kotba ewlenin madwar Malta u Għawdex. Il-Ħadd, il-President ta’ Malta se żżur il-Fiera, biex tiltaqa’ ma’ dawk li jakkwistaw ‘Tisjir mill-Qalb’ u tiffirmalhom il-kopja tagħhom.

Il-qligħ kollu mill-bejgħ ta’ ‘Tisjir mill-Qalb’ se jmur b’risq il-ħidma tal-Malta Community Chest Fund, biex tkun tista’ tkompli tassisti lil dawk kollha li jiġu bżonn l-għajnuna tagħha.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.